Nifs l-Ispirtu jimla l-Qlugħ jankrana fit-Tama

L-għażla tat-tema tal-Ġublew Ordinarju ta’ din is-sena—Pellegrini tat-Tama—mhijiex kelma fiergħa jew sempliċi motto li jdoqq sabiħ. It-tama tal-Knisja għal din is-Sena Mqaddsa hija fin-nifs tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja u ma jonqosx milli jdawwal iż-żerniq tal-futur li daqt ifiġġ. Il-Missier tas-Sema josserva bis-sabar u l-ħlewwa l-pellegrinaġġ ta’ wliedu, u jiftaħ beraħ quddiemhom it-Triq, li turi lil Ġesù, Ibnu, u ssir spazju fejn kulħadd jista’ jimxi. L-istorja li l-pellegrinaġġ tat-tama jdaħħalna fiha twassalna biex “inħarsu dejjem ’il quddiem, lejn futur li mhuwiex biss opra ta’ jdejna, imma li qabelxejn hu fil-ħsieb kostanti tal-providenza ta’ Alla. Dak kollu li hu mudlam, jum wieħed għad isir dawl” (Franġisku, Udjenza Ġenerali, 11 ta’ Ottubru 2017).

Il-pellegrinaġġi lejn santwarju, għalhekk, huma xbieha tal-mixja tal-pellegrinaġġ sħiħ tal-ħajja tagħna li jwassal għal-laqgħa definittiva ma’ Kristu u l-għaqda sħiħa miegħu:

Il-ġenna hi t-tgħanniqa ma’ Alla, Imħabba bla tarf, u fiha nidħlu grazzi għal Ġesù, li miet fuq is-salib għalina. Fejn hemm Ġesù, hemm il-ħniena u l-ferħ; mingħajru hemm il-kesħa u d-dalma.

Franġisku, Udjenza Ġenerali, 25 ta’ Ottubru 2017

Din l-esperjenza hija mfissra tant tajjeb permezz tal-logo uffiċċjali tal-Ġublew. Fih jidhru erba’ figuri stilizzati li jindikaw l-umanità ġejja mill-erbat irjieħ tad-dinja, u li qed jgħannqu lil xulxin, biex juru s-solidarjetà u l-fraternità li għandu jkun hemm bejn il-popli. L-ewwel figura tidher qed tħaddan is-salib. Dan hu s-sinjal mhux biss tal-fidi li tħaddan, imma anki tat-tama fi Kristu li ma għandha qatt tnin. Il-mewġ imqalleb ta’ taħt il-figuri jfakkarna li l-pellegrinaġġ tal-ħajja mhux dejjem huwa mixja fuq ilmijiet kalmi. Madankollu, l-istess erba’ figuri bħal donnhom jiffurmaw qlugħ li, marbut sod mas-salib, jinfetaħ bin-nifs tal-Ispirtu li jagħti d-direzzjoni u juri t-triq. L-istess salib li jservi ta’ arblu għad-dgħajsa—simbolu tal-Knisja sa mill-ewwel sekli—huwa mtawwal ’l isfel fil-mewġ fejn jiftaħ f’ankra, simboli mill-iktar qawwija u antiki tat-tama li żżomm soda qalb iċ-ċaqliq tal-mewġ.