“Nissahra ma’ Alla u nittama li nitlef”

L-awtur kontroversjali Grieg Nikos Kazantzakis, fl-awtobiografija tiegħu, jirrakkonta li meta kellu dsatax-il sena kien qatta’ xi żmien fuq il-Muntanja Atos fil-Greċja, fejn hemm konċentrazzjoni ta’ monasteri u rhieb Ortodossi. Hemmhekk iltaqa’ mar-raheb xwejjaħ Makarios. Jum minnhom Kazantzakis staqsieh: “Abba Makarios, għadek tissara max-xitan?” U r-raheb xwejjaħ wieġbu, “Le. Kont nissara max-xitan il-ħin kollu. Imma issa xjaħt u għejjejt, u anke x-xitan xjaħ u għejja minni. U allura jien inħallih bi kwietu, u hu jħallini bi kwieti.” U Kazantzakis reġa’ staqsieh, “Allura l-ħajja tiegħek saret faċli issa?” U r-raheb wieġbu, “Le, le. Il-ħajja hi iktar diffiċli issa. Għax issa nissara ma’ Alla.” “Qed tissara ma’ Alla u qed tittama li tirbaħ?” “Le,” qallu r-raheb, “Nissahra ma’ Alla u nittama li nitlef.”

Fit-taqtigħa ma’ Alla aħna nissaraw biex niskopru s-sens tal-ħajja. Nissaraw biex insiru nafu min hu verament dak li qed nissaraw miegħu fid-dlamijiet tal-ħajja. Nissaraw biex nifhmu l-mod kif Alla jaħdem fil-ħajja tagħna u fl-istorja tad-dinja. Fit-talb tissara mal-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja, bħalma huma t-tbatija u r-raġuni tal-eżistenza, u bil-mod il-mod issib ftit risposti parzjali. Imma tasal li ssibhom għax ma tkunx qed titkellem mal-ħajt imma ma’ dak li minnu jiġi kull sens.

Fit-talb, bħal Ġakobb (ara Ġen 32, 23-30), tissara biex taċċetta min inti fil-verità, tiskopri u taċċetta l-identità vera tiegħek. U, ma’ din l-iskoperta, tissara biex taċċetta li Alla jħobbok b’mod gratwit u ħieles minn kull kundizzjoni: li Alla jħobbok u daqshekk, u mhux iħobbok għax tobdih, jew għax inti tifel jew tifla bil-għaqal, jew għax inti perfett jew perfetta; u Alla tant iħobbok li ta lilu nnifsu  għalik. U allura tista’ sserraħ moħħok li fit-talb tista’ titkellem dwar dak kollu li jagħmlek inti, inkluż il-ġenn kollu li hemm f’moħħok (wara kollox, Alla jaf bih xorta waħda, anke jekk ma titkellimx miegħu dwaru, u jħobbok hekk kif int).

L-esperjenza tat-talb imbagħad issir l-esperjenza li dwarha jikteb San Pawl fl-ittra lill-Galatin, meta niskopri li:

Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.

Galatin 2, 20