Omm Qaddisa ta’ Alla

Wieħed mit-titli li bih din it-talba ferm antika tas-Sub Tuum Praesidium issellem bih lil Marija hu dak ta’ Omm Alla. Xi minn daqqiet dan it-titlu jista’ jfixkel lil xi wħud għax, jekk Alla għandu ommu, allura għandu bidu. Dan it-titlu nistgħu nifhmuh biss fil-kuntest tat-twemmin Nisrani f’Alla li sar bniedem. Tajjeb inżommu f’moħħna li, minkejja li Alla jibqa’ Alla u Alla jiżboq kulma l-moħħ tagħna jista’ jifhem, xorta waħda hu wriena lilu nnifsu u rrivelalna l-misteru tiegħu. U l-Knisja matul is-sekli xtarret u ppruvat tifhem iktar fil-fond xi tfisser ir-rivelazzjoni ta’ Alla; u f’kull żmien tiskopri mhux xi tagħlim differenti minn dak ta’ qabel, imma tiskopri mill-ġdid, bil-mod kif jifhem il-bniedem tal-lum, dak li Alla wriena dwaru nnifsu.

U dan jgħodd ukoll għall-Madonna. Ma ninsewx li t-tagħlim tal-Knisja dwar il-Madonna qatt mhu mifrud mit-tagħlim dwar Ġesù Kristu. Kulma ngħidu dwar Marija hu f’rabta ma’ Ġesù Kristu. Kull qawwa li nattribwixxu lilha ġejja mis-sehem importanti li kellha fil-pjan tas-salvazzjoni mwettaq mill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Kull talba tagħna indirizzata lejha nistgħu nitolbuhielha għax hi sa mill-bidu kienet imsieħba mal-Knisja fit-talb; il-mant tagħha hu mifrux fuq il-Knisja kollha għax Alla għoġbu jixħet għajnejh hu l-ewwel fuq din il-qaddejja tiegħu.

L-invokazzjoni ta’ Marija bħala Omm Alla mhuwiex sempliċi titlu ta’ ġieħ imma jfakkarna proprju fil-missjoni ta’ Marija bħala omm. Ma tissejjaħx Omm Alla mill-perspettiva mitoloġika tad-dinja klassika imma għax kienet dik li, permezz tagħha, dak li mkien u xejn ma jista’ jesgħu tnissel f’ġufha, sar ftit ċelloli u kompla jiżviluppa fi ħdanha sakemm wellditu u tat lid-dinja ix-Xemx tal-ġustizzja.

Dan it-titlu ġie aċċettat bħala tagħlim uffiċċjali tal-Knisja fil-Konċilju ta’ Efesu fis-sena 431, frott l-istqarrija tal-fidi fl-għaqda tan-naturi fil-persuna ta’ Ġesù Kristu—nistgħu ngħidulha Omm Alla għax Ġesù huwa veru Alla u veru bniedem. Madankollu, ma kienx il-Konċilju ta’ Efesu li ħareġ bit-terminu Theotokos—jiġifieri dik li welldet lil Alla—imma l-ewwel użu tiegħu nsibuh proprju fis-Sub Tuum Praesidium. Il-Konċilju rrikonoxxa b’mod uffiċċjali dak li l-poplu Nisrani dak iż-żmien kien diġà jemmen fil-maternità divina tagħha li kienet tagħtiha l-kapaċità li tieqaf għalina quddiem Alla u titolbu jċedilna u ma jikkastiganiex ta’ dnubietna, qisha bħal dik l-omm li tipprova tgħaddi kelma u taqbeż għal uliedha biex ma jiħdux il-kastig li ħaqqhom. Kif jgħidilna l-Papa Qaddis, San Ġwanni Pawlu II:

Marija hija dik l-Omm li tinterċedi għal kulħadd: għall-erwieħ għatxana għal Alla u għal dawk li jinsabu jteftfu bħal għomja fid-dlamijiet tad-dubju u tan-nuqqas tat-twemmin, għal dawk li qegħdin isofru fil-ġisem u jinsabu għajjiena fl-ispirtu, għal dawk li jċedu għall-ġibda tad-dnub u għal dawk li qegħdin jissieltu biex jeħilsu mill-ħakma tiegħu. It-tħassib tagħha ma jħalli barra lil ħadd.

Ġwanni Pawlu II, Messaġġ tar-Regina Caeli, Vista Pastorali fid-Djoċesi ta’ Como, l-Italja (5 ta’ Mejju, 1996), par. 3.

Hu għalhekk li aħna induru lejha fi ħtiġijietna u, għax nafu li hi ommna, nitolbuha mal-Knisja tal-Lvant fit-talba tal-Paraklesis: “Eħlisna mill-periklu, lilna l-qaddejja kollha tiegħek, o Theotokos; wara Alla aħna lejk niġru għall-kenn u d-dell, bħala sur li ma jiċċaqlaqx u ħarsien tagħna.”