San Franġisk: Tifħir lil Alla l-Għoli

Is-sbuħija tal-wirt ta’ talb li ħalla San Franġisk tinsab proprju fis-sempliċità profonda tagħhom. Fost dawn nistgħu nsemmu t-talba ta’ Tifħir lil Alla l-Għoli. Hawnhekk, il-fqajjar ta’ Assisi jinfexx f’apostrofi ta’ tifħir lil Alla wieħed-u-tlieta mingħajr ħafna titli sofistikati jew spjegazzjonijiet elaborati. Sempliċiment jaqbad attributi jew kwalitajiet ta’ Alla, jew modi kif aħna nesperjenzaw b’mod tant qrib tagħna l-preżenza tiegħu, u jsemmihom f’diskors dirett indirizzat ’ Alla fit-tieni persuna singulari: “Inti …”

Iktar minn hekk m’hemmx wisq iktar xi tgħid għajr li npoġġi t-taba fiha nnifisha sabiex biha lkoll inkunu nistgħu nfaħħru lill-Mulej Alla li jista’ kollox u Feddej tal-ħniena. Però tajjeb jekk tiġi kkjarifikata distinzjoni sottili imma fundamentali.

Fejn jidħol kulma hu maħluq, il-kwalitajiet tal-ħlejqa jieħdu forma ta’ aġġettivi jew deskrizzjoni, hekk li niddistingwu bejn il-ħlejqa fiha nnifisha—l-essenza tagħha—u dak li nattribwixxu lilha—il-predikati. F’Alla din id-distinzjoni ma teżistix għax dawk li nsejħulhom attributi ma jiddeskrivuhx imma huma hu nnifsu. F’Alla m’hemmx differenza bejn dak li hu u l-eżistenza tiegħu: Alla huwa dak li hu u huwa l-eżistenza fiha nnifisha—being itself bl-Ingliż, jew ipsum esse subsistens bil-Latin. Pereżempju, filwaqt li għal persuna nista’ ngħid li hi sabiħa, Alla huwa s-sbuħija nnifisha, hekk li pereżempju San Franġisk ma jgħidx li Alla hu sabiħ imma jsejjaħlu “Int sbuħija.” Aħna nistgħu neżistu u nkunu dak li aħna proprju għax aħna ġejjin minn dak li Alla hu fih innifsu. U kull kwalità tajba li jista’ jkollna hija sehem f’din l-essenza ta’ Alla fih innifsu.

Int qaddis, Mulej Alla wieħed,

li tagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Int qawwi, Int kbir, Int l-Aktar Għoli.

Inti s-Sultan li tista’ kollox,

Int Missier Qaddis,

Sultan tas-sema u l-art.

Int, wieħed-u-tlieta,

Mulej Alla fuq l-allat,

Inti t-tjieba, kull tjieba, fuq kull tjieba,

Mulej Alla ħaj u veru.

Inti mħabba, int għerf, int umiltà,

int sabar, int sbuħija, int ġwejjed.

Int kenn, int sliem,

int hena u ferħ,

int tama tagħna, int ġustizzja.

Inti l-qjies,

int l-għana kollu tagħna.

Int ġmiel, int ġwejjed.

Int li tħarisna.

Int li tgħasses fuqna u tidħol għalina.

Int qawwa. Int serħan. 

Inti t-tama tagħna, inti l-fidi tagħna,

int l-imħabba tagħna,

inti l-ħlewwa kollha tagħna,

inti l-ħajja bla tmiem tagħna,

kbir u tal-għaġeb,

Mulej Alla li tista’ kollox,

Feddej tal-ħniena.