Sejrin lura flok ’il quddiem?

Hemm diffikultajiet fil-ħajja tat-talb li jiġu proprju mill-impenn li nkunu ħadna bis-serjetà li nitolbu kuljum u mhux ta’ darba kultant. Fosthom hemm li l-ħajja ma tkunx daqshekk faċli u, wara li jgħaddi l-eċitament u l-ħeġġa tal-bidu, tibda tidħol il-monotonija. U xejn ma jibqa’ faċli daqskemm kien, mhux biss l-impenn fil-ħajja tat-talb imma wkoll l-għażla li nimxu bis-serjetà wara Ġesù bħala Nsara. Hawn nibdew nistaqsu jekk hux aħjar kif konna, kemm kienet iktar faċli u kemm kellna inqas tentazzjonijiet meta ma konniex nitolbu. F’kelma waħda, nibdew narawna sejrin lura flok ’il quddiem. Dan jiġri wkoll meta f’qalbna jinbtu emozzjonijiet kuntrarji, meta nħossuna niexfa u bierda.

Dan jista’ jnissel fina qtigħ il-qalb. Imma ġeneralment ma jkunx il-każ li sejrin lura imma sempliċiment il-konsegwenza tal-għażla li nersqu lejn Kristu. Dan bħal meta jkollok tebgħa fuq il-flokk li tinduna biha xħin tersaq lejn id-dawl. U iktar ma tersaq lejn id-dawl, iktar se tara tbajja’. U iktar se jiżdiedu t-tentazzjonijiet, kultant anke waqt il-ħin tat-talb stess. Ma jimpurtax. Kristu wkoll ġie mġarrab meta mar fid-deżert biex jitlob. Jaf xi tfisser din l-esperjenza.

Kultant dan is-sens ta’ delużjoni jiġi għax għandna idea żbaljata tal-qdusija. Don Luigi Maria Epicoco fil-ktieb Farsi santi con ciò che c’è jqabbel il-ħajja tal-qdusija mal-friġġ. Huwa jgħid li, meta niġu biex nippreparaw x’ser nieklu, nistgħu noħolmu dwar ħafna affarijiet stravaganti li nistgħu nsajru. Imma realistikament jeħtieġ li l-ewwel niftħu l-friġġ u mbagħad niddeċiedu x’se nsajru u nieklu skont dak li hemm.

Jista’ jkollna ħafna ideat għolja ta’ kif suppost tkun il-ħajja tal-qdusija, imma “l-qaddisin mhumiex dawk li għandhom l-ingredjenti kollha, imma dawk li jirnexxilhom ikunu kreattivi b’dak li hemm. Jirnexxilhom jagħmlu ikla tajba b’dak li realment hemm fil-friġġ,” u mhux b’dak li joħolmu li jkun hemm (ara Luigi Maria Epicoco, Farsi Santi con ciò che c’è: L’amore familiare tra vocazione, santità e creatività (Todi: Tau Editrice, 2020), 14-15).