Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu
F’dawn l-aħħar ftit ġimgħat ta’ tħejjija ddedikati lit-talb qabel nibdew is-Sena Mqaddsa bħala Pellegrini tat-Tama, se nħarsu lejn talba Marjana ferm antika fit-Tradizzjoni tal-Knisja li se tgħinna nidħlu iktar fil-fond fil-misteru tal-inkarnazzjoni—ta’ Alla magħmul bniedem. Għalkemm it-talba tas-Sliema tislet għadd ta’ versi mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju skont San Luqa, fil-verità l-eqdem talba li għandha l-Knisja indirizzata lil Marija hija s-Sub tuum praesidium:
Sub tuum praesidium confugimus, Sancta Dei Genetrix. Nostras deprecationes ne despicias in necessitatibus, sed a periculis cunctis libera nos semper, Virgo gloriosa et benedicta.
Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm qaddisa ta’ Alla. La tistmerrx it-talb tagħna fi ħtiġijietna, iżda dejjem eħlisna minn kull tiġrib, o verġni glorjuża u mbierka.
Din it-talba tintuża mit-tradizzjonijiet u l-knejjes l-iktar antiki, kemm fil-Lvant u kif ukoll fil-Punent, mhux biss fid-devozzjoni tan-nies imma wkoll fit-talb liturġiku ta’ dawn id-diversi knejjes. U l-fatt li tintuża minn numru ta’ tradizzjonijiet li llum sfortunatament mhumiex magħqudin bejniethom u mas-suċċessur ta’ Pietru, dan jagħti x’jifhem li t-talba tmur lura għaż-żmien fejn dawk kollha li jistqarru l-isem ta’ Kristu kienu għadhom jistgħu jgħidu li huma Knisja waħda magħquda.
Din l-antikità tat-talba ġiet stabbilita anke b’mod storiku u xjentifiku. Fil-bidu tas-seklu li għadda, qalb xi manuskritti misjuba fl-Eġittu fl-1917 u miksuba minn librerija f’Manchester, l-Ingilterra, kien hemm framment ċkejken—iżgħar minn folja normali ta’ karta—li ġie ppubblikat fl-1938 u li mill-ewwel ġie identifikat bħala din it-talba tant magħrufa. Dan il-framment wassal biex juri li din it-talba minn tal-anqas tmur lura għat-tielet seklu wara Kristu, possibbilment bejn is-snin 250 u 280—żmien li fih il-Knisja kienet għadha ppersegwitata mill-Imperu. Mhux ta’ b’xejn allura li din l-ewwel talba lil Marija li għandna evidenza tagħha hija supplika indirizzaw lil Marija Santissima bħala dik li tista’ tidħol għalina.
Din il-kwalità ta’ Marija mhijiex invenzjoni tal-Knisja Kattolika, kif hemm min isosti. Sa mill-istess paġni tal-Evanġelji li fihom tissemma’ Marija, u li Alla nebbaħ fi ħdan il-poplu l-ġdid tiegħu, nindunaw li Marija għandha l-irwol li tinterċedi għalina l-bnedmin quddiem Alla. Ir-rakkont tat-tieġ ta’ Kana huwa xhieda tal-influwenza li Marija għandha fuq Binha Ġesù, u l-għaqda tagħha fit-talb mal-ewwel komunità, kif insibu fil-bidu tal-atti tal-Appostli, turi li hi kienet sa mill-bidu punt ta’ riferenza u għaqda. Allura mhuwiex daqshekk ta’ stagħġib li, sa mis-sekli bikrija fil-ġrajja tagħha, il-Knisja ddur lejn Marija, tistkenn taħt il-mant tagħha, u titlob lil din l-Omm li għandha ħniena kbira … kif għadha tagħmel sal-lum!
Meta jitkellem dwar l-irwol ta’ Marija fis-sena tal-Ġublew fil-bolla Spes non confundit, Papa Franġisku jikteb li l-messaġġ ta’ tama
jidħol fil-qlub f’tant Santwarji Marjani mxerrda mad-dinja, destinazzjonijiet ta’ għadd bla tarf ta’ pellegrini, li jafdaw f’idejn l-Omm ta’ Alla t-tħassib, in-niket u x-xewqat tagħhom. F’din is-Sena Ġubilari, ħa jkunu s-Santwarji mkejjen imqaddsa ta’ akkoljenza u spazji pprivileġġjati li jnisslu t-tama. Nistieden lill-pellegrini li ġejjin Ruma, biex jagħmlu waqfa ta’ talb fis-Santwarji Marjani tal-belt ħalli jqimu lill-Verġni Marija u jitolbu l-ħarsien tagħha. Jiena fiduċjuż li lkoll, speċjalment dawk li qed ibatu u huma mġarrba, jistgħu jduqu l-qrubija tal-aktar omm li taf tħobb, li qatt ma titlaq waħidhom lil uliedha, hi li għall-Poplu qaddis ta’ Alla hi “sinjal ta’ tama żgura u ta’ faraġ.”
Franġisku, Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Ordinarju tas-Sena 2025, Spes non confundit (9 ta’ Mejju 2024), par. 24
Jalla aħna wkoll f’din is-sena—u dejjem—insibu l-kenn taħt il-mant tagħha ta’ Omm li ma ddawwarx ħarsitha mit-tnehid ta’ wliedha.