Tiftakru t-talb li għallmuk il-Mużew?

Fost il-memorji tat-tfulija żgur li niftakru ż-żmien li qattagħna fil-klassijiet “tal-Mużew” jew “tad-Duttrina.” Forsi niftakru wkoll xi praspura wkoll! Imma t-talb għadek tiftakru? Il-Missierna u s-Sliema probabbilment iva, imma meta nduru għas-Salve Regina jew il-Kredu tal-Appostli, hemmhekk imbagħad jibdew l-iskossi …

Faċli nserrħu l-kuxjenza billi ngħidu li t-talb spontanju għandu iktar valur mit-talb bl-amment. Imma veru? Diffiċli tgħid … wara kollox, naħseb li l-Mulej iktar iħares lejn il-qalb milli jagħti kas tal-kliem.

Imma f’soċjetà fejn qed nitilfu s-sens tal-memorja u t-teknoloġija tiffrankalna l-bżonn li niftakru affarijiet bl-amment, x’relevanza għandu għalina dan il-mod ta’ talb? Niftakar li, sena minnhom meta kont il-M.U.S.E.U.M. min kien jgħallimna kien jagħti taħbita fuq il-mejda ma’ kull frażi tat-talba. U, jekk jibdew il-kummenti, il-qawwa tad-daqqiet kienet tibda tiżdied! Imma r-ritmu tad-daqqiet għen biex dan it-talb u tagħlim daħal f’moħħi u għadu hemm, minkejja li żgur ninsa kull appuntament li ma jfakkarnix fih il-mobile!

Jekk xejn, it-talb bl-amment jgħallimna kif nitolbu. Flimkien mal-Bibbja u mal-qari spiritwali l-ieħor, it-talb tradizzjonali tal-Knisja u forsi xi ieħor devozzjonali li tgħallimna jagħtina kliem biex bih nistgħu nindirizzaw lil Alla. Jagħtina kliem u ħsibijiet meta donna ma nkunux nistgħu nesprimu ruħna, meta jiġu dawk il-perjodi fejn donna ma nkunux nistgħu nitolbu. Fuq kollox, huwa t-talb li niggranfaw miegħu meta niġu daharna mal-ħajt u ma jifdlilna xejn ma’ xiex niggranfaw ħlief ma’ xi talba ċkejkna li xi ħadd bis-sabar kollu għallimna tant snin ilu.