Fil-mixja tat-talb, l-ikbar tentazzjoni—b’mod partikolari jekk tgħix f’komunità jew tappartjeni għal xi grupp—bla dubju hija li toqgħod tqabbel lilek innifsek ma’ ħaddieħor u tiffrustra ruħek jekk tħoss li ħaddieħor wasal iktar minnek u inti ma mxejtx biżżejjed. Kulħadd għandu l-mod tiegħu u r-ritmu tiegħu, u kulħadd jieħu l-ħin tiegħu biex jikber. L-importanti hu li jkun hemm impenn sinċier u fidil. Hawn min it-talb jiġih iktar faċli, kważi naturali. Min isibha iktar diffiċli jkollu iktar merti jekk jibqa’ jissara għax ikun għamel xi ħaġa li ma tiġihx faċli jew naturali.
In-nuqqas ta’ sabar mal-proċess tal-maturità tagħna stess jista’ jwassal jew biex ngħollu kollox jew għax naqtgħu qalbna jew għax inħossu li m’għandniex ħin x’naħlu. Imma, jekk huwa relazzjoni, it-talb awtomatikament jinvolvi ħela ta’ ħin ma’ min inħobbu. Il-ħin li nqattgħu ma’ dawk li nħobbu ħafna mid-drabi jkun ħin ta’ valur mhux għax inkunu qed nagħmlulhom xi ħaġa jew għax huma produttivi, imma proprju għax hu ħin li nagħżel li nqattgħu fil-kumpanija tal-persuna l-oħra sempliċiment biex inkun magħha jew miegħu u għal xejn iktar. Fit-talb dan jitlob ħafna sabar, l-ewwel u qabel kollox magħna nfusna biex, kif diġà fissirna, nidraw il-kalma u s-skiet, u wkoll biex dan l-isforz ma jibqax sempliċiment tqanżiħ imma jsir ħin ta’ kwalità.