Verġni glorjuża u mbierka

It-talba tas-Sub Tuum Praesidium, li fuqha qegħdin nirriflettu f’dawn il-ġimgħat, tagħlaq b’tislima lil Marija bħala “Verġni glorjuża u mbierka,” titlu intimament marbut mal-istqarrija tal-Knisja dwar Marija bħala Omm Alla. U dan għaliex, kien mal-“Iva” għall-maternità, li Marija qalet ukoll l-“iva” tagħha għall-verġinità.
Din l-“iva” għall-verġinità mhijiex sempliċiment “le” għas-sess imma hija għażla ta’ mod ta’ ħajja: hija għażla għall-kastità, għas-safa—virtù li kull Nisrani hu msejjaħ jgħix hu x’inhu l-istat tal-ħajja tiegħu. Fil-każ ta’ Marija, hija sejħa għas-safa totali, li jinkludi l-verġinità perpetwa. It-tradizzjoni tal-Knisja sa mill-bidu dejjem żammet li Marija baqgħet dejjem verġni.

L-ewwel nett, baqgħet verġni fit-tnissil ta’ Kristu, u dan l-Evanġelji jinsistu fuqu biex juru li t-tnissil ta’ Ġesù ma kienx ġej mill-bnedmin imma minn Alla. Fl-Evanġelju skont San Luqa, għall-mistoqsija ta’ Marija dwar kif jista’ jkun li din it-tqala tibda mingħajr intervent ta’ raġel, l-Anġlu jispjegalha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1, 35). Fl-Evanġelju skont San Mattew, meta Ġużeppi jiskopri li l-għarusa tiegħu hi tqila, jidhilru anġlu tal-Mulej fil-ħolm biex iserraħlu moħħu li t-tarbija ġejja minn Alla u, għal dan il-kliem, Ġużeppi jieħu lil martu għandu, “imma baqa’ ma għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù” (Mt 1, 25).

Però t-Tradizzjoni Nisranija li kompliet tiżviluppa anke wara li nkitbu l-Evanġelji tinsisti li Marija baqgħet verġni anke wara t-twelid. Kemm San Ġustinu u kif ukoll San Irinew ta’ Lyon, fit-tieni seklu wara Kristu, jippreżentaw lil Marija bħala dik l-Eva l-ġdida li bis-safa u l-ubbidjenza tagħha ssewwi l-mewt u d-diżubbidjenza tal-ewwel Eva li kienet għadha verġni meta tqarrqet mix-xitan (ara Ġustinu, Dialogus cum Tryphone, 100; Irinew, Adversus Haereses, 3.22.4). U, fuq kollox, ukoll fit-tieni seklu, il-Protoevanġelju ta’ San Ġakbu—dokument importanti tal-Knisja tal-bidu li fuqu huma mibnijin ħafna mit-tradizzjonijiet tagħna dwar il-ħajja bikrija ta’ Marija u ta’ Ġesù—insibu speċifikat li Marija baqgħet bijoloġikament verġni, kif tikkonferma l-qabla li marret biex tgħinha twelled.
U din il-verġinità perpetwa ta’ Marija titqiegħed bħala mudell għall-Insara kollha għax ilkoll imsejħin biex ngħixu l-kastità, kull wieħed u waħda minna skont l-istat tiegħu jew tagħha; ilkoll imsejħin biex ngħixu dan l-aspett importanti tal-personalità tagħna—is-sesswalità tagħna—bis-safa, b’mod li jixirqilna ta’ bnedmin, skont il-missjoni li Alla fdalna.

Marija mill-ġdid anke llum tersaq quddiemna u turina li s-safa huwa possibbli. Hija turina li, tassew, kif jgħid Kristu, “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla” (Mt 5, 8). Għax is-safa jfisser mhux sempliċiment astinenza jew li, fiż-żwieġ, nimxu skont ir-“regoli”. Il-virtù tas-safa tiddeskrivi l-mod ta’ kif jien ngħix ir-relazzjoni tiegħi miegħi nnifsi u mal-oħrajn. Hija l-mod ta’ kif jien inħares lejja nnifsi u lejn l-oħrajn, kif inħares lejn il-bnedmin: mhux iżjed bħala oġġetti imma bħala ħlejjaq maħluqin xbieha ta’ Alla. Dan tfisser li s-safja f’qalbhom jaraw ’l Alla: li nagħraf lill-bniedem ta’ li hu, maħluq xbieha ta’ Alla. U bħalma jien ma nikkalpestax u ma niddisprezzax santa jew statwa ta’ Ġesù, tal-Madonna, jew tal-Qaddisin, hekk ukoll ma niddisprezzax x-xbieha ta’ Alla fija nnifsi u fl-oħrajn.

Lil Marija, din il-verġinità tagħha, mhux biss għamlithielha possibbli li tkun Omm Alla imma għamlithielha possibbli li tkun Omm il-Knisja u tiġbor taħt il-mant matern tagħha l-bnedmin kollha. Bħalma Eva, wara d-dnub, saret omm il-bnedmin kollha fil-ġisem, hekk Marija, il-Verġni, bil-mewt u l-qawmien ta’ Binha, saret omm l-umanità l-ġdida mnissla fuq is-salib. Għalhekk nistgħu nersqu lejha b’talba biex iddawwar magħna l-mant tagħha ħalli tgħatti l-għera tagħna, iżżomm bajda l-libsa li rċevejna fil-Magħmudija, li biha sirna wlied adottivi ta’ Alla u ġisimna sar tempju tal-Ispirtu s-Santu. Nitolbuha l-grazzja mhux biss li noħorġu mid-dinja mingħajr ħtija, imma li ngħixu minn hawn stess mingħajr ħtija, mhux għax ngħixu frustrati imma għax inġarrbu dik l-hena li Kristu wiegħed lil dawk li huma safja f’qalbhom.