X’inhu l-Ġublew?

Ta’ kull sena flimkien bħala Knisja ngħixu mill-ġdid il-misteru tas-salvazzjoni permezz ta’ festi u ċelebrazzjonijiet differenti, l-aktar fit-Tlett Ijiem Imqaddsa tal-Għid, li fihom niċċelebraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet. Imma mbagħad ikun hemm ukoll snin ta’ grazzja speċjali. Ewlenija fosthom hija s-sena tal-Ġublew.

L-għeruq storiċi tal-Ġublew insibuhom fit-Testment il-Qadim. Il-liġi ta’ Mosè kienet iffissat għall-poplu Lhudi sena partikulari: “Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom” (Lev 25, 10). Il-kelma “ġublew” ġejja mill-kelma Lhudija “jubal,” il-qarn li kien jintuża bħala tromba biex bih jitħabbar il-bidu ta’ din is-sena. Fost l-oħrajn, matul din is-sena kienet tintradd lura l-art lis-sidien oriġinali tagħha, jinħafru d-djun, l-iskjavi jingħataw l-ħelsien, u l-għelieqi ma jinħadmux biex l-art tistrieħ u l-poplu jgħix b’dak li l-art trodd mingħajr l-intervent tal-bniedem (ara Lev 25, 8-21).

Mal-miġja ta’ Ġesù, il-ġublew kiseb tifsira ogħla għaliex Kristu jġib fil-milja tiegħu l-Ġublew tal-qedem. Dan għaliex f’Ġesù tassew waslu l-grazzja u l-ħelsien għall-bnedmin kollha. Fil-fatt, fl-Evanġelju skont San Luqa naqraw kif Ġesù mar fis-sinagoga ta’ Nazaret fejn kien trabba u qam biex jaqra. Xħin tawh f’idejh il-ktieb tal-Profeta Isaija (ara 61,1-2), fetħu u qara dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.”

Dak il-ħin, lil dawk li kien hemm fis-sinagoga Ġesù jħabbrilhom il-wasla tas-sena ta’ grazzja bla tmiem u jistqarr: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu” (ara 4, 16-21).