Bdejna x-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar marbut mad-devozzjoni u t-talba Marjana tar-Rużarju, talba li fiha nikkontemplaw il-misteru ta’ Kristu mill-għajnejn ta’ Ommu u Ommna Marija. Waqt l-udjenza ġenerali tal-Erbgħa, 24 ta’ Settembru 2025, il-Papa Ljun XIV stieden lill-Insara Kattoliċi biex f’dan ix-xahar nitolbu r-Rużarju kuljum, personalment, fil-familja, u fil-komunità, u noffruh għall-paċi fid-dinja.
Żgur li f’moħħna mill-ewwel jiġi l-ġenoċidju li għaddej bħalissa fl-istrixxa ta’ Gaza u, b’mod sottili, it-teħid tal-kontroll ukoll tat-territorju l-ieħor Palestinjan li jestendi mil-Lvant ta’ Ġerusalemm sax-xmara Ġordan. Jiġi f’moħħna wkoll il-konflitt simili bejn ir-Russja u l-Ukrajna li issa ilu għaddej iktar minn tliet snin.
Din it-tema bħalissa qed tiġi wkoll diskussa fit-tmenin assemblea ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Il-prominenza assoluta qed tingħata fuq dawn iż-żewġ gwerer, partikolarment dak li qed iġarrab il-poplu Palestinjan bħalissa. Imma laqatni ħafna d-diskors tar-rappreżentant tas-Santa Sede, l-Arċisqof Paul Richard Gallagher, is-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali fi ħdan is-Segreterija tal-Istat. U dan jorbot ħafna max-xewqa tal-Papa biex nitolbu r-Rużarju għall-paċi matul Ottubru.
Id-diskors ta’ Mons. Gallagher ma laqatnix l-iktar għal xi ton imqanqal jew aħrax li bih tkellem. Laqatni l-mod kif dan il-prelat Ingliż, f’kuntest ta’ gwerer bl-iskuża tar-reliġjon, bla tlaqliq reġa’ fakkar fl-ewwel kliem tal-Papa Ljun XIV lill-belt u lid-dinja wara l-elezzjoni tiegħu: “Il-paċi tkun magħkom ilkoll! … Paċi bla armi u paċi li żżarma, umli u perseveranti.” Il-paċi ma sseħħx meta tkun qridt lill-għadu tiegħek, kif qed naraw fiż-żewġ konflitti li semmejt qabel, imma proprju billi nħallu l-imħabba taħkimna u tpoġġina quddiem xulxin bħala bnedmin, vulnerabbli kif aħna. F’dinja li kulma jmur qed issir iktar frammentata, jeħtieġ niftakru li l-paċi
hija don attiv, li jinvolvina, li jolqot u jimpenja lil kull wieħed u waħda minna, indipendentement minn liema kultura ġejjin u liema reliġjon inħaddbu, u li jesiġi li, qabel kollox, naħdmu fuqna nfusna. Il-paċi tinbena fil-qalb u trid tibda mill-qalb, billi tqaċċat il-kburija u l-vendikazzjonijiet, u tqis il-kliem, għax mhux bl-armi biss iżda bil-kliem ukoll il-bniedem jista’ jferi u joqtol.
Ljun XIV, Diskors waqt l-Udjenza mal-Korp Diplomatiku akkreditat mas-Santa Sede, 16 ta’ Mejju 2025
Imma l-iktar ħaġa li laqtitni fid-diskors tar-rappreżentant tas-Santa Sede kienet proprju l-ħarsa universali—tassew kattolika—lejn il-qagħda tal-paċi, l-iżvilupp u d-drittijiet umani. Ma ffukax biss fuq dak li kulħadd semma’, imma fakkar lid-dinja f’tant konflitti għaddejjin f’diversi nħawi u li, tal-anqas fil-Punent, kważi insejniehom jew qed ninjorawhom għax mhumiex daqshekk qrib tagħna.
Tul id-diskors tiegħu, Gallagher fakkar kif ’il fuq minn 360 miljun Nisrani jgħixu f’żoni fejn huma ppersegwitati jew iddiskrimati minħabba l-fidi tagħhom. Tkellem dwar l-ikkalpestar tad-dinjità u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem bħala fenomenu mifrux. Fakkar fl-impenn sabiex jiġu eliminati l-faqar u l-ġuħ, il-ħtieġa li jinħafru d-djun li qed ikomplu jgħarrqu l-qagħda tal-pajjiżi inqas żviluppati, il-kura tal-ħolqien u l-kriżi tal-bidla fil-klima kkawżat mill-bniedem, il-fenomenu tal-migrazzjoni u r-refuġjati, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-ħarsien tal-familja, u jwissu wkoll dwar l-isfidi li qed tpoġġi quddiemna l-intelliġenza artifiċjali. Dawn kollha huma meħtieġa biex ikun hemm paċi vera.
U, jekk din il-ħarsa ġenerali ma kinitx biżżejjed, Gallagher saħansitra jsemmi sitwazzjoni f’pajjiżi u reġjuni partikolari. Barra l-Ukrajna u l-Art Imqaddsa, isemmi r-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani u s-Sirja. Isemmi diversi pajjiżi fl-Afrika maħkuma minn instabbiltà, fosthom iż-żona ta’ taħt is-Saħara, Cabo Delgado, il-Qarn tal-Afrika, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-Sudan u s-Sudan tan-Nofsinhar. Jelenka sitwazzjonijiet differenti bħat-traffikar tad-droga fl-Amerka Latina, il-konflitti fil-Baħar tal-Karibew, il-Ħaiti, u Nikaragwa. Idur imbagħad għall-kontinent Ażjatika u jitkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Mjanmar, u fuq it-traffikar uman fuq il-fruntieri bejn il-Mjanmar, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Kambodja, u Laos. U d-dawra tond terġa’ tagħlaq minn fejn bdiet billi jitkellem dwar l-iżviluppi li qed iseħħu fil-Balkani u t-triq ’il quddiem għal rikonċiljazzjoni iktar sħiħa bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.
Meta tara lista pjuttost eżawstiva bħal din, ma tistax ma tissammarx. U żgur li hemm bżonn nitolbu għall-paċi! U żgur li mhux rużarju wieħed imma anke tnejn jew tlieta hemm bżonn quddiem dan ix-xenarju! Imma aħna nemmnu f’Alla li hu fidil ma’ wliedu u f’dan ix-xahar inpoġġu lilna nfusna u lid-dinja taħt il-mant matern ta’ Omm dak li miet biex proprju jħabbeb mill-ġdid il-bniedem ma’ Alla. Jalla din il-ħarsa tassew kattolika u universali fuq id-dinja ssuqna biex, mhux talli ma naqtgħux qalbna, talli iktar nitolbu u nħallu lil qalbna tintmiss mhux biss mix-xewqa għall-paċi imma mit-tbatija ta’ tant bnedmin, fuq il-passi ta’ Kristu u ta’ Ommu wieqfa taħt is-salib tiegħu u taħt is-slaleb kollha tal-umanità.