Fil-15 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil Santa Tereża ta’ Avila, Verġni u Duttur tal-Knisja. Flimkien ma’ San Ġwann tas-Salib ħabirket għar-riforma tal-Ordni Karmelitan li wasslet fit-twaqqif tal-Ordni tal-Karmelitani Skalsi, magħrufin iktar bħala Tereżjani.

Imwielda fil-belt Spanjola ta’ Avila fl-1515, fiha kellha tbaqbaq l-istess spirtu gwerrier tan-nisa ta’ din il-belt. Madwar żewġ sekli qabel, meta Avila kienet mhedda mill-attakki tal-Mori, l-armata tal-belt ħarġu biex jippruvaw iżommu l-armata tal-għadu ’l bogħod. Imma l-għadu kien qed jistenna din l-okkażjoni sabiex jattakka l-belt meta ma kienx hemm min jiddefendiha. Quddiem din it-theddida, Jimena Blázquez, il-mara tas-sindku, organizzat lin-nisa tal-belt li, libsin l-armaturi tal-gwerra, marru fuq is-swar hekk li rnexxielhom iqarrqu bl-għadu li ħaseb fil-belt kien għad fadal biżżejjed suldati biex jiddefenduha.

Din il-qawwa ta’ gwerriera tidher kemm fil-ħafna kitbiet li ħalliet u kif ukoll fil-kuraġġ muri biex tikkonfronta kull ostaklu fl-intenzjoni qaddisa tagħha li terġa’ tqanqal mill-ġdid l-ispirtu ta’ Elija fl-Ordni Karmelitan. Anke t-tixbiha tal-kastell interjuri tikkumplimenta x-xenarju tal-belt ta’ Avila li ħadd ma seta’ jaħbat għaliha jew jaħtafha.

F’dan it-teżor ta’ għerf u talb, tassew tispikka n-nota li nstabet fil-ktieb tat-talb tagħha wara mewtha fis-sena 1582. Din in-nota taqra hekk:

Tħalli xejn xi jħawdek,

tħalli xejn xi jbeżżgħek.

Kollox jgħaddi;

Alla ma jitbiddilx.

Is-sabar

jikseb kollox.

Min għandu ’l Alla

ma jonqsu xejn.

Alla waħdu biżżejjed.

Nistgħu ngħidu li f’dawn il-ftit versi nsibu miġbura din il-qalb taqbad ta’ gwerriera li tagħraf li, mingħajr l-imħabba tal-Maħbub tagħha, ma tista’ titqabad l-ebda battalja. U tasal li turi qawwa u kuraġġ proprju għax tagħraf tqiegħed is-sigurtà tagħha biss fil-Mulej li waħdu hu biżżejjed. Din iċ-ċertezza tixbah id-dikjarazzjoni qawwija li jagħmel Kristu fid-diskors eskatoloġiku tiegħu: “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (Mt 24, 35).

F’ittra lill-Isqof ta’ Avila fl-okkażjoni tal-450 sena mill-bidu tar-riforma Tereżjana, il-Papa Benedittu XVI jagħmel din l-istedina li naħseb li tgħodd għalina wkoll għax hija relevanti għal kull żmien u f’kull ċirkostanza:

Fuq il-passi ta’ Tereża ta’ Ġesù, ippermettuli ngħid lil dawk kollha li għandhom il-futur tagħhom quddiemhom: jalla intom ukoll taspiraw li tkunu kompletament ta’ Ġesù, ta’ Ġesù biss u dejjem ta’ Ġesù. Tibżux tgħidu lill-Mulej tagħna, kif qalet hi: “Jiena tiegħek; jien twelidt għalik, xi trid tagħmel bija?” (It-Tieni Poeżija). U jiena nitolbu jagħtikom li twieġbu wkoll għas-sejħa tiegħu, imdawlin mill-grazzja divina “b’determinazzjoni soda” sabiex toffru “dak il-ftit” li hemm fikom, bil-fiduċja fil-fatt li Alla qatt ma jħalli waħedhom lil dawk li jħallu kollox għall-glorja tiegħu (ara Camino di perfección 21, 2; 1, 2).

Benedittu XVI, Ittra lill-Isqof ta’ Avila fl-okkażjoni tal-450 sena mit-twaqqif tal-Monasteru ta’ San José En Ávila u mill-bidu tar-riforma Tereżjana (16 ta’ Lulju 2012), par. 5.