Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin

It-Tielet Ħadd Matul is-Sena Ċ

Tista’ ssegwi l-qari kollu bilLingwa tas-Sinjali Maltija.

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxi l-għemil tagħna skond ir-rieda tiegħek, biex, f’isem Ibnek l-għażiż, inkattru l-għemejjel tajba tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Qraw mill-Ktieb tal-Liġi
Neħ 8:2-4a,5-6,8-10

Qari mill-Ktieb ta’ Neħemija

F’dak iż-żmien, Esdra l-qassis ġieb il-Ktieb tal-Liġi quddiem il-ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li kienu jifhmu dak li jisimgħu. U mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-irġiel, in-nisa, u dawk li kienu kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ li hemm quddiem Bieb l-Ilma. U l-poplu kollu kien attent jisma’ l-qari tal-Ktieb tal-Liġi. Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk tal-injam, li kienu waqqfu għall-okkażjoni. Esdra fetaħ il-Ktieb u rah kulħadd jagħmel dan billi kien fil-għoli ’l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb kulħadd qam bilwieqfa. U Esdra bierek il-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu kollu b’idejh merfugħin ’il fuq wieġeb: “Ammen, ammen”. U nxteħtu għarkupptejhom b’wiċċhom mal-art jagħtu qima lill-Mulej. Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari. Neħemija, li kien il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u l-Leviti li kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: “Dan hu jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux!”. Għax il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem il-Liġi.

U żiedu jgħidulhom: “Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 18(19):8,9,10,15

Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.

Ħa jkunu milqugħa quddiemek
kliem fommi u ħsieb qalbi,
Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi. R/.

Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.
1 Kor 12:12-30

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed. Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. Kieku s-sieq kellha tgħid: “Ladarba m’iniex l-id, jien m’iniex biċċa mill-ġisem”, b’daqshekk mhijiex parti mill-ġisem? U kieku l-widna kellha tgħid: “Ladarba m’iniex l-għajn, jien m’iniex biċċa mill-ġisem”, ma jkunx ifisser b’daqshekk li hi mhijiex biċċa mill-ġisem. Kieku l-ġisem kollu kien għajn, fejn kien ikun is-smigħ? U kieku kien kollu smigħ, fejn kien ikun ix-xamm?

Iżda Alla qiegħed il-membri fil-ġisem kull wieħed f’postu, kif għoġbu hu. Kieku kollha kellhom ikunu membru wieħed, fejn hu l-ġisem? Imma ħafna, iva, huma l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. L-għajn ma tistax tgħid lill-id: “Jiena ma għandix bżonnok”, anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: “Ma għandix bżonnkom”. Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa; u dawk li nqisu bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu ħsiebhom; u ’l dawk li ma għandhomx ġmiel, inlibbsuhom b’aktar ġmiel; għax il-membri sbieħ ma għandhom bżonn xejn. Alla imma bena l-ġisem b’mod li żejjen b’aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-aktar.

B’hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin. Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu. Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Imbagħad id-don tal-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta’ ilsna diversi. Jaqaw ilkoll appostli? Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? Ilkoll għandhom id-don tal-fejqan? Ilkoll jitkellmu bl-ilsna? Ilkoll ifissru?

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Jew il-forma l-qasira

Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.
1 Kor 12:12-14,27

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed. Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ara Lq 4:18

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.
R/. Hallelujah.

Din il-kitba seħħet illum
Lq 1:1-4; 4:14-21

Bidu tal-Evanġelju skont San Luqa

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.

Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Mit-Tielet Ħadd ta’ Matul is-Sena nibdew il-qari kontinwu tal-Evanġelju skont San Luqa li jwassalna sa qabel nibdew ir-Randan u mbagħad nerġgħu nkomplu wara Żmien l-Għid. Evanġelju li jibda billi jintroduċi l-għan li għalih l-evanġelista Luqa qiegħed jikteb dan ir-rakkont bir-reqqa: sabiex iwassal għall-verità lil min qed jaqrah. Ukoll, f’dan il-Ħadd iddedikat lill-Kelma ta’ Alla, dan l-Evanġelju joffrilna perspettiva li minnha għandna nersqu lejn il-Kelma ta’ Alla aħna u nieqfu biex nirriflettu dwar ir-rabta tagħna magħha.

L-ewwel nett, il-Kelma li Kristu jħabbar hija kelma ta’ ħelsien: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi … Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin.” Ħelsien li jmissna fid-dgħufija tagħna. Isaija f’dik il-profezija jsemmi l-faqar, in-nuqqas ta’ dawl, il-moħqrija. Il-Kelma ta’ Alla troddilna l-ħelsien mhux għax tħallina nagħmlu li rridu jew għax issaħħaħna fl-għemil ħażin tagħna, imma għax tmissna hemm fejn aħna l-iktar dgħajfin, fejn inħossuna bla ħila, fejn nagħrfu li waħedna ma nistgħux naslu, fejn għandna bżonn il-qawwa ta’ Alla biex niksbu l-libertà sħiħa, biex inkunu nistgħu nikbru ħalli nsiru tassew min aħna msejħin inkunu.

Imma biex nagħmel din l-esperjenza, jeħtieġ li bħal dik il-folla fis-sinagoga jkollna għajnejna msammrin fuq Ġesù. Fil-Bibbja aħna ma niltaqgħux biss ma’ ktieb oħxon u forsi wkoll tqil biex tifhmu u tgħixu; ma niltaqgħux ma’ sempliċi biċċa letteratura jew ma’ rakkonti mill-passat, imma niltaqgħu ma’ persuna ħajja—Ġesù Kristu—li bħalma ħabbar b’fommu stess elfejn sena ilu, hekk għadu jagħmel illum ukoll. Fil-liturġija Mqaddsa, meta jinqara l-Evanġelju, aħna mhux biss nisimgħu bil-fama ta’ Ġesù, imma nisimgħu lil Kristu nnifsu għax huwa Kristu li qed iwasslilna l-Kelma tiegħu; huwa Kristu li qed jiġi jiltaqa’ magħna, fil-komunità tagħna, biex iroddilna l-ħelsien … illum: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” Dawk l-affarijiet li nisimgħu fil-Kelma ta’ Alla jseħħu llum ukoll jekk nagħtuh il-wisa’.

Talba

Mulej, aħna u nħallu l-Kelma tiegħek tinfed ’il-qlub tagħna, it-talba tagħna llum hija talba għall-ħelsien: li qalbna tkun ħielsa minn dak kollu li qiegħed iżommha milli tilqa’ l-Kelma tiegħek; milli tħalli l-Kelma tiegħek twettaq bidla fina; milli tħalli l-Kelma tiegħek tagħmilna tassew ulied liberi li jgħixu fl-imħabba u mhux fil-biża’ jew fl-illużjoni. Ammen.​