Alla jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu

Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, agħmel li norbtu dejjem ir-rieda tagħna ma’​ tiegħek u naqdu s-setgħa tiegħek b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Kull meta Mosè kien jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ.
Eż 17:8-13

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, il-poplu ta’ Għamalek qam u tqabad ma’ Iżrael f’Rafidim. Mosè qal lil Ġożwè: “Agħżel irġiel u mur tqabad ma’ Għamalek; jien noqgħod wieqaf fuq il-quċċata tal-għolja, bil-ħatar ta’ Alla f’idi”. Ġożwè għamel kif qallu Mosè, u mar jitqabad mal-Għamalekin. Mosè, Aron u Ħur telgħu fuq il-quċċata tal-għolja. Kull meta Mosè kien jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ; u kull meta kien iniżżel idejh, kienu jirbħu l-Għamalekin. Meta jdejn Mosè bdew jitqalu, ħadu ġebla u qegħduhielu taħtu; u hu qagħad bilqiegħda, waqt li Aron u Ħur żammewlu dirgħajh, wieħed kull naħa. Hekk idejh baqgħu sodi merfugħa sa nżul ix-xemx. U Ġożwè qered lil Għamalek u l-poplu tiegħu b’xifer ix-xabla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 120(121):1-2,3-4,5-6,7-8

R/.(2): L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej.

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet;
mnejn se tiġini l-għajnuna?
L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,
li għamel is-sema u l-art. R/.

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;
ma jongħosx dak li jħarsek.
Ara, la jongħos u lanqas jorqod
dak li jħares lil Iżrael. R/.

Il-Mulej hu dak li jħarsek;
il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar,
anqas il-qamar billejl. R/.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni;
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,
minn issa u għal dejjem. R/.

Il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.
2 Tim 3:14–4:2

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.

L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.

Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lhud 4:12

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
R. Hallelujah.

Alla jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu.
Lq 18:1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għall-inqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”.

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Dan hu t-tielet Ħadd konsekuttiv li fih tissemma l-kelma “fidi”: L-ewwel kellna lid-dixxipli jitolbu lil Ġesù biex ikattrilhom il-fidi, u hu jweġibhom, “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar,’ u hi kienet tisma’ minnkom” (Lq 17, 6). Imbagħad kellna d-dikjarazzjoni ta’ Ġesù lil-lebbruż li reġa’ lura biex jirringrazzjah, “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 17, 19). U llum, Ġesù jagħlaq id-diskors tiegħu dwar il-ħtieġa li nitolbu bla ma nieqfu billi jagħmel mistoqsija retorika, “Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”

Hija mistoqsija li taħsadna wara dik l-enfasi kollha fuq il-fidi u fuq ir-rieda ta’ Alla li jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu bla heda. Xi jrid jgħid biha din il-mistoqsija Ġesù? Mhux faċli tgħid, anke għax ir-rakkont jaqta’ f’daqqa u, wara din il-mistoqsija, ix-xena tinbidel, kif se naraw il-Ħadd li ġej.

F’diversi rakkonti—anke kif rajna l-Ħadd li għadda—il-fidi hi spiss marbuta ma’ mirakli ta’ fejqan fl-Evanġelju skont San Luqa, u allura marbuta ma’ laqgħa personali ma’ Ġesù li waħdu jista’ jagħti s-salvazzjoni. Mistoqsija bħal din tista’ tagħtik l-impressjoni li Ġesù diġà qalbu maqtugħa li, hekk kif jasal Ġerusalemm u jsallbuh, wara l-qawmien u t-tlugħ tiegħu fis-sema, il-fidi se tgħib. Id-dixxipli mhux se jirnexxilhom fil-missjoni li jafdalhom. U, meta jerġa’ jiġi fl-aħħar taż-żmien, se jsib id-dinja l-istess kif kien ħalliha, jekk mhux agħar: umanità mifdija imma li baqgħet ma laqgħetx is-salvazzjoni, jew dawk li kellhom iwassluhielha ma wettqux il-missjoni li biha fdahom u spiċċa kollox.

Hija mistoqsija li forsi tpoġġi wkoll lilna personali xi ftit fi kriżi. U ma tkunx idea ħażina li ngħarblu l-fidi tagħna, il-fiduċja tagħna f’Ġesù: jekk nemmnux kif Ġesù jifhem il-fidi; jekk għandniex fiduċja ġenwina fih, jew sempliċiment diskors bix-xufftejt u mbagħad il-qalb tinsab xi mkien ieħor. Jekk aħniex bħal dak l-imħallef li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd, u allura ma kellux il-perspettiva li tagħti biss il-fidi meta tgħarrafna x-xejn tagħna quddiem Alla u l-ugwaljanza ma’ ħutna l-bnedmin għax ilkoll għandna l-istess dinjità ta’ wlied Alla. Jew jekk aħniex bħal dik l-armla li nibqgħu nippersistu fit-talb, bil-fiduċja mhux fina nfusna, għax il-qawwa tagħna għandha ħabta kif tiddgħajjef f’tebqa’ t’għajn u s-sens ta’ ġustizzja tagħna jitgħawweġ skont il-bżonn tal-mument kif ikun jaqbel, imma bil-fiduċja fil-ġustizzja ta’ Alla li hija dejjem skont il-verità.

Naħseb li Ġesù kien tassew realista meta għamel din il-mistoqsija għax, veru, mhijiex xi ħaġa awtomatika li se jsib il-fidi fuq l-art meta jerġa’ jiġi fl-aħħar taż-żmien. Mhijiex awtomatika li, meta jsejħilna fil-mument tal-mewt tagħna, fina se jsib fidi ġenwina. Mhijiex awtomatika li se jsib fina l-fidi li jixtieq meta, bis-smigħ tal-Kelma tiegħu u permezz tal-Ewkaristija, huwa jidħol ġewwa fina u jsir parti minna. U, għalhekk, hija mistoqsija li trid theżżiżna xi ftit.

Imma Ġesù ma kienx qiegħed ikun fatalista b’din il-mistoqsija, bħal dawk li jgħidu, “Spiċċa kollox,” jew jaqtgħu qalbhom u jitilfu kull fiduċja anke f’Alla, minkejja li ma jgħiduhiex u lanqas tgħaddilhom minn moħħhom, imma hekk ikun fil-verità. Ġesù mhuwiex fatalista għax, kif se jgħid lil Pietru iktar ’il quddiem, waqt l-aħħar ċena, minkejja li l-passjoni tiegħu se tgħaddihom minn prova, Ġesù talab għal Pietru sabiex il-fidi tiegħu ma tiġix nieqsa, ħalli mbagħad, meta jerġa’ lura għas-sewwa, iwettaq lil ħut (Lq 22, 32).

U l-istess jagħmel ma’ kull wieħed u waħda minna: jitlob għalina quddiem il-Missier biex il-fidi tagħna ma tiġix nieqsa għax il-fidi vera, il-fidi sħiħa, mhijiex xogħol idejna u ħsieb moħħna, imma hi don ta’ Alla. U Alla żgur li mhux se jiċħad dan lil dawk li qalbhom hi miftuħa għalih bit-talb kontinwu, jiġifieri b’ħajja li bla heda tissara sabiex tkun ftuħ għal Alla biex ikun jista’ jidħol u jgħammar fina, u hekk, permezz tagħna, jgħammar fid-dinja.

Talba

Mulej, jiena nemmen li meta terġa’ tiġi se ssib fidi fuq l-art għax inti qatt ma tiċħad id-don tal-fidi fik lil kull min hu qalbu miftuħa lesta biex tilqgħu. Agħmel li l-fidi tiegħi, minkejja li tiġi ppruvata, ma tisfax nieqsa, imma, kull darba tiġi magħrbula u msoffija sakemm jibqa’ biss dik il-fidi għarwiena fik, dik il-fidi li inti tixtieq issib fina meta tiġi tiltaqa’ magħna f’ħajjitna, f’mewtna u fl-aħħar taż-żmien.

Ammen.