Baqgħet tgħożż f’qalbha

Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi
Festa

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Samwel mogħti lill-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajtu.
1 Sam 1, 20-22.24-28

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien Anna tqalet, u meta wasal żmienha wildet iben u semmietu Samwel “għaliex – kif qalet hi – tlabtu lill-Mulej”. Elkana bil-familja kollha tala’ joffri s-sagrifiċċju ta’ kull sena lill-Mulej u jtemm il-wegħda tiegħu. Imma Anna ma telgħetx, għaliex qalet lil żewġha: “Meta nkun ftamt it-tifel, imbagħad nieħdu biex jidher quddiem il-Mulej, u jibqa’ hemm għal dejjem”.

U meta fatmitu, Anna tellgħet ’il binha magħha fid-dar tal-Mulej f’Silo. Ħadet magħha gendus ta’ tliet snin, efa dqiq u żaqq inbid, u marret bit-tfajjel magħha. Hemm qatlu l-gendus, u ressqu t-tifel quddiem Għeli, u qaltlu: “Nitolbok, sidi; daqskemm int ħaj, sidi, jien dik il-mara li kienet wieqfa hawn ħdejk titlob lill-Mulej. Għal dan it-tifel kont tlabt, u l-Mulej laqa’ t-talba tiegħi, u tani li tlabtu. U issa jien se nagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajtu, u kemm idum ħaj ikun tal-Mulej”. U qiemu lill-Mulej hemmhekk.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 83 (84), 2-3. 5-6. 9-10

R/. (5a): Henjin dawk li jgħammru f’darek, Mulej

Kemm hi għażiża d-dar tiegħek,
Mulej tal-eżerċti!
Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej;
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj. R/.

Henjin dawk li jgħammru f’darek;
huma jfaħħruk għal dejjem.
Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom,
li għandhom għal qalbhom il-pellegrinaġġ għat-tempju. R/.

Mulej, Alla tal-eżerċti, isma’ talbi;
agħti widen, Alla ta’ Ġakobb.
Ħares, o Alla, lejn it-tarka tagħna,
ħares lejn is-sultan, il-midluk tiegħek. R/.

Nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew!
1 Ġw 3, 1-2, 21-24

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew! Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu. Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla, u kulma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu.

Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih. B’hekk nagħrfu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Atti 16, 14b

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Mulej iftħilna qalbna
biex nifhmu dak li jgħid Ibnek.
R/. Hallelujah.

Il-ġenituri sabu lil Ġesù fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema.
Lq 2, 41-52

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”. U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”. Iżda kliemu ma fehmuhx.

Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Luqa jagħlaq ir-rakkont tat-tfulija ta’ Ġesù (u saħansitra l-Evanġelju tiegħu, ara Lq 24, 52-53) eżatt kif bdieh: fit-tempju. Fil-bidu ltqajna ma’ Żakkarija li kien qed jaqdi dmiru fit-tempju, u llum niltaqgħu ma’ Ġesù bilqiegħda f’nofs l-għalliema jismagħhom u jistaqsihom… ukoll jaqdi dmiru f’dak li hu ta’ Missieru. Fir-rakkont tal-lum niltaqgħu proprju mal-ewwel kelmiet li jgħid Ġesù fl-Evanġelju ta’ Luqa: stqarrija li timplika Hu min Hu u kif inhu relatat mal-Missier.

Naqraw dwar l-ubbidjenza ta’ Marija u Ġużeppi lejn il-liġi ta’ Mosè u kif kienu qed irawwmu lil Ġesù minkejja li kien għadu m’għalaqx it-tlettax-il sena (u allura kien għadu ma jidħolx fl-obbligu tal-liġi tat-Torah). Naqraw dwar il-qsim il-qalb ta’ Marija u Ġużeppi hekk kif indunaw li tilfu lil binhom u damu tlett ijiem ifittxuh sa ma sabuh. Naqraw id-djalogu bejn Marija u Binha, u naqraw ukoll il-kumment miżjud minn Luqa li “kliemu ma fehmuhx.” Minkejja dak li ntqalilha mill-anġlu Gabrijel, minkejja dak li ntqalilha minn Eliżabetta u minkejja dak li ntqalilha minn Xmun u Anna, Luqa jippreżentalna lil Marija bħala dik li għadha ma fehmitx. U proprju hawn hu l-kobor ta’ Marija: li minkejja l-mistoqsijiet, hi “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.”

Talba

Ġesù, bħall-familja ta’ Nazaret, anke fuqi jiġu mumenti meta nitilfek. Għinni sabiex bħalhom nibqa’ nfittxek sa ma nsibek.

Bħal Marija (u Ġużeppi), nieħu ż-żmien biex nifhem, u xi drabi saħansitra nibqa’ ma nifhimx u b’qalbi maqsuma nistaqsik: “Dan għaliex?” Rawwem fija l-imħabba li kellhom f’qalbhom Marija u Ġużeppi u l-għożża li rabbewk biha, speċjalment meta ma fehmux.

Il-preżenza tiegħek lura f’Nazaret … u l-preżenza tiegħek lura fil-familji tagħna ma tħallix iktar vojt, qtigħ il-qalb, u tfittxija. Għinni biex b’dak li naħseb (u ma naħsibx) … b’dak li ngħid (u ma ngħidx) … u b’dak li nagħmel (u ma nagħmilx) ma nkunx ta’ xkiel għall-preżenza tiegħek fostna għax il-milja tal-ferħ tinsab fl-ubbidjenza … bħalma jagħlaq tant sabiħ Luqa: “Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret, u kien jobdihom.”

Ammen.