Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf

Il-Wieħed u Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla ħanin li tista’ kollox, minnek ġej li l-fidili tiegħek jagħtuk servizz xieraq u ta’ ġieħ: agħmel li, mingħajr ebda tfixkil, inħaffu biex niksbu l-wegħdiet tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Int tħenn għal kulħadd għax tħobb il-ħlejjaq kollha.
Għerf 11:22–12:2

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Mulej, quddiemek id-dinja kollha qisha traba fil-miżien,
jew qatra nida tal-għodwa li tinżel fuq l-art.
Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista’ kollox;
int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin
biex huma jindmu.
Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha,
u xejn ma tistmell minn kulma għamilt;
li kien hemm xi ħaġa li stajt tobgħodha, int ma kontx tagħmilha.
Kif setgħet tibqa’ xi ħaġa fid-dinja kieku int ma ridthiex?
Jew kif setgħet iżżomm, kieku int ma sejjaħtilhiex?
Imma int, o Sid li tħobb kulma jgħix,
lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek.
Għax f’kulħadd hemm nifsek bla ma qatt jintemm.
Għalhekk int twiddeb bil-ftit il-ftit lil dawk li jonqsu,
twissihom u tfakkarhom fejn dinbu,
biex jerġgħu lura mill-ħażen tagħhom,
u fik, Mulej, iqiegħdu t-tama tagħhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 144(145):1-2,8-9,10-11,13ċd-14

R/.(1) Mulej, inbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.

Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel. R/.

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqa’,
iqajjem ’il kull min hu mitluq. R/.

L-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom, u intom fih.
2 Tess 1:11–2:2

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

Ħuti, aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom. U hekk l-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom u intom fih skont il-grazzja ta’ Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.

Ħuti, għal dak li għandu x’jaqsam mal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu, nitolbukom biex ma toqogħdux tħawdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta’ jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 3:16

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R. Hallelujah.

Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.
Lq 19:1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.

Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.

Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed”. Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Il-Ktieb tal-Għerf ikellimna dwar dan Alla tagħna li, minkejja l-kobor u l-qawwa tiegħu, għandu qalb ta’ ħniena bla tarf. Hu Alla li jaf jagħlaq għajnejh għad-dgħufija tagħna biex aħna nagħmlu l-qalb u, minflok nitbiegħdu, infittxu nersqu lejh b’kull mezz possibbli. Dan għaliex ġewwa fina hemm in-nifs tiegħu li qatt ma jintemm. Jibqa’ jistennina.

Salm 144 ikompli jikkonfermalna din il-ħniena infinita ta’ Alla u jħeġġiġna biex quddiem din il-ħniena nfittxu li rroddulu l-ħajr li tant jixraqlu.

San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin jinkoraġġihom li Alla mhux biss dejjem lest biex iħenn iżda wkoll li jagħmilna denji tas-sejħa tiegħu sabiex, bil-qawwa tiegħu li tifdi d-dgħufija taghna, isseħħ kull rieda tajba tagħna għall-ġid u kull ħidma.

San Luqa fl-Evanġelju jkompli jurina bil-fatti din l-imħabba kbira ta’ Alla għall-bniedem fir-rakkont tiegħu tal-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Żakkew. Żakkew li kien kap tal-pubblikani u kien għani kellu xewqa jara min kien Ġesù.

Żakkew, minkejja l-istatus tiegħu bħala kap, minkejja l-għana tiegħu, kellu ostaklu fiżiku: kien raġel qasir. U l-folla li kien jikkonsidra li b’xi mod li kellu setgħa fuqha minħabba xogħlu, ħolqitlu ostaklu biex jaqta’ xewqtu u jara lil Ġesù.

Żakkew quddiem l-ostaklu ma tilifx żmien iżda sab mezz u soluzzjoni temporanja biex jegħlbu.

Ġesù jintebaħ b’dan lis-sforz. Iħares ’il fuq u stieden ruħu b’idejh għax skont hu kien jeħtieġlu joqghod għand Żakkew.

Żakkew imtela bil-ferħ u laqgħu għandu kif ngħidu aħna bil-bibien miftuħa, tant li injora it-tgergir tan-nies li skont huma ma kienx ħaqqu din l-attenzjoni

Żakkew għaraf li dan il-privileġġ hekk kbir kien qed jitlob minnu bidla radikali. Il-miġja ta’ Ġesù ġewwa daru kienet titlob li hu jidħol fih innifsu u jara fejn naqas u kif jista’ jirrimedja għall-ħażin li kien wettaq s’issa. Il-ġenerożità ta’ Ġesù miegħu qanqlet fih ġenerożità hekk kbira li kien lest li jrodd lura nofs ġidu u għal erba’ darbiet iżjed lil dawk li qarraq bihom.

U Ġesù xhud ta’ din il-bidla radikali jtenni li d-dar ta’ Żakkew ma offrietx ospitalità lilu biss iżda wkoll lis-salvazzjoni li konsegwenza tagħha minn raġel mitluf issir raġel salvat.

Talba

Mulej, jiena wkoll neħtieġ id-don tas-salvazzjoni tiegħek għax jiena wkoll bħal Żakkew spiss naqbadni nonqos lill-proxxmu tiegħi. Għini negħleb dak kollu li fija jirreżisti d-don tas-salvazzjoni li jiġi biex jilliberani minn dak kollu li jħallini mitluf. Ejja, fittixni u sibni, Mulej.