Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi

Il-Ħadd tat-Trinità QaddisaSolennità

Kolletta

O Alla Missier, inti bgħatt fid-dinja l-Kelma tal-Verità u l-Ispirtu tal-Qdusija, u wrejtna l-misteru tiegħek tal-għaġeb; agħtina li nistqarru l-fidi vera billi nemmnu fit-Trinità Qaddisa, u naduraw Alla wieħed fis-setgħa u l-kobor tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Il-Għerf kien jeżisti sa minn qabel ma nbdiet l-art.
Prov 8:22-31

Qari mill-Ktieb tal-Proverbji

Dan jgħid il-Għerf ta’ Alla:
“Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta’ għemilu,
sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu.
Sa minn dejjem twaqqaft, mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.
Kien għad m’hemmx l-ibħra l-kbar,
meta tnissilt jien, kien għad m’hemmx għejun inixxu l-ilma;
qabel ma tqiegħdu l-muntanji, qabel l-għoljiet jien twelidt.
Kien għadu ma għamilx l-art bir-raba’ tagħha,
u lanqas l-ewwel traba tal-art.
Meta ħejja s-smewwiet jien kont hemm,
meta ħażżeż dawra fuq wiċċ il-baħar kbir,
meta saħħaħ is-smewwiet hemm fuq,
u qiegħed fis-sod in-nixxigħat ta’ qiegħ il-baħar;
meta ħażżeż trufijiet il-baħar, biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;
meta qiegħed sisien l-art,
jien kont maġenbu bħala tfajjel, l-għaxqa tiegħu,
jum wara ieħor, nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu;
nitliegħeb fuq l-art imħejjija għall-bnedmin,
nitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 8:4-5,6-7,8-9

R/.(2a): Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,
il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex taħseb fih? R/.

Ftit inqas mill-allat għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk! R/.

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu:
in-nagħaġ u l-baqar kollha, sal-bhejjem tax-xagħri;
l-għasafar tal-ajru u l-ħut tal-baħar,
dak kollu li jterraq fil-baħar. R/.

Ma’ Alla, bi Kristu bis-saħħa tal-imħabba li ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Rum 5:1-5

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. Mhux biss dan: imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lill-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.
R/. Hallelujah.

Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. L-Ispirtu jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.
Ġw 16:12-15

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.

Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Hemm bosta affarijiet fil-ħajja tal-bnedmin li ma jinftehmux, li huma ’l hinn mill-ħakma tar-raġuni. Kif qatt tista’ tifhem it-tbatija u s-sofferenza inġusta? Kif qatt tista’ tifhem il-paradossi, l-assurdità u l-kantunieri li jaħsduk tal-ħajja, li f’sekondi jibdlu u jaħsdu ħajjiet u ħolm ta’ persuni? Misteri! Imma meta tesperjenzahom dawn il-misteri tibda tifhem aktar, mhux biss bil-moħħ imma bil-qalb u r-ruħ f’sintonija ma’ xulxin, li jagħrblu l-għajnejn tal-fidi u jiċċarawhom ftit aktar. U dan japplika wkoll għall-misteru ta’ Alla Trinitarju, il-karattru ta’ Alla li llum jiġi ċċelebrat fil-liturġija tal-Knisja universalment. Kif qatt tista’ tifhem dan il-misteru, dak ta’ Alla wieħed fi tliet persuni distinti minn xulxin? Nistaqsu ’l Santu Wistin dwar dan u żgur li jitbissmilna meta jiftakar kif Alla nnifsu kkonfermalu din l-impossibbiltà permezz ta’ dehra ta’ anġlu fi tfajjel ċkejken jipprova jimla l-oċean f’ħofra fir-ramel. Imma, għalkemm il-moħħ uman ma jista’ qatt jaqbad il-loġika u d-dimensjoni tal-misteru, il-qalb u r-ruħ jistgħu jesperjenzaw l-effetti tiegħu, f’forom varji. Fl-imħabba tar-relazzjonijiet tagħna, fix-xennieq għal dak li hu profond u li jagħtina skop f’ħajjitna, fil-ħolm għal dak kollu li hu tajjeb u li joffri fejqan, fil-ħeġġa għal dak kollu li hu qaddis u orjentat lejn il-benesseri ta’ ħaddieħor, fix-xewqa profonda għat-tiftix tal-intimità li tagħni r-ruħ, u fl-għatx dejjiemi għall-paċi u t-trankwillità fil-qalb u bejn il-bnedmin, nesperjenzaw kontinwament l-impatt tal-karattru ta’ Alla fuq ħajjitna. Dak kollu li jeżisti fl-unità ta’ Alla Trinitarju aħna nixxennqu għalih, u jsir possibbli għalina bil-qawwa tiegħu: l-imħabba, l-intimità, is-sens u l-iskop tal-ħajja, id-djalogu sinċier u l-komunikazzjoni miftuħa mimlija ħajja, in-nuqqas ta’ biża’ li nkunu vulnerabbli biex nissaħħu, u l-kapaċità li nirċievu bosta forom ta’ ħajja mingħand ħaddieħor filwaqt li noffruhomlhom permezz ta’ dak li aħna. Dan kollu jsir possibbli f’kull azzjoni konkreta tal-ħajja ta’ kuljum għax kull wieħed u waħda minna maħluqa xbieha ta’ Alla. Kif jgħidilna San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu: “Alla huwa mħabba u kull min iħobb huwa mwieled minn Alla u jagħraf ’l Alla.”

Talba

O Trinità Qaddisa, infaħħruk u rrodulek ħajr ta’ kull xewqa qaddisa li tiżra’ fina, u għar-rieda u l-kuraġġ biex inwettquhom, sabiex ħajjitna tkun mogħnija b’relazzjonijiet intimi li jarrikkuna, ikabbruna u jibdluna dejjem aktar fl-imaġni tiegħek.

Ammen.