Dak li joħroġ minn ġewwa hu li jtabba’ lill-bniedem

It-Tnejn u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena B

Kolletta

O Alla tal-eżerċti, kulma hu l-aħjar ġej kollu minnek: nissel fi qlubna l-imħabba lejn ismek, u agħtina li bit-taħriġ reliġjuż tagħna, tmexxi ’l quddiem dak li hu tajjeb fina u tħarishulna, bit-tħabrik tagħna bla heda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ħarsu l-liġijiet tal-Mulej Alla tagħkom.
Dewt 4:1-2,6-8

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom.

La żżidu xejn ma’ dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu; qisu li tħarsu l-liġijiet tal-Mulej, Alla tagħkom, bħalma qiegħed nagħtihomlkom jien. Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn il-ġnus li, kif jisimgħu b’dawn il-liġijiet kollha, jgħidu: ‘M’hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir’.

Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqskemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu? Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 14(15):2-3a,3ċd-4ab,5

R/. (1a): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu. R/.

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

Kunu intom dawk li jagħmlu l-Kelma ta’ Alla.
Ġak 1:17-18,21b-22,27

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Għeżież, kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir. Għax ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu. Ilqgħu bil-ħlewwa l-Kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom ruħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-Kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwina u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġak 1:18

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Għax ried hu, il-Missier wilidna bil-kelma tal-verità,
biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
R/. Hallelujah.

Intom twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin.
Mk 7:1-8,14-15,21-23

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”.

Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.

Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Għax toqgħod tgħid, kemm hawn minn jedha jerfa’ salib ħaddieħor! Kemm hawn min ħsiebu f’dik u fl-oħra, u kemm hawn min ikun pront jipponta subgħajh biex jitkaża u anke jakkuża dak li f’għajnejh ma jidhirx xieraq jew ġust!

Hekk ukoll jiġri lil dawn il-Lhud li waqgħu fil-każa għax ħsiebhom kien f’dak li qed jagħmel ħaddieħor, flok kienu medhija b’dak li kien mistenni minnhom li jagħmlu! U hekk bdew jaraw kif ħa jikkalpestaw lil ta’ madwarhom; għax tant kienu mogħmija li lanqas biss għarfu jaraw il-veru sens ta’ dawk ir-riti u t-tradizzjonijiet kollha li kienu saru bħal mażżra m’għonqhom.

U min jaf kemm drabi aħna wkoll naqgħu f’din in-nasba, f’dan l-ixbiek u f’dan l-ixkiel—u  għalenija nibdew b’litanija ta’ titli u ġudizzji kontra għajrna! Min jaf kemm drabi b’ilsienna ferrejna flok dewwejna—għax għażilna li nqassu fuq il-proxxmu tagħna! Ġesù hawnhekk mhux biss ma jkomplix magħhom, kif ġieli nagħmlu aħna biex ma nirfsux kallijiet, imma fuq kollox jurihom li dak li huma kienu qed iżommu bħala sagru ma kienx ħlief xkiel. Kien għalhekk li Ġesù ma kienx jibża’ ‘jitniġġes’ biex jagħmel il-ġid. 

Narawh imiss il-mejtin u l-imġiddma, jagħmilha mal-midinbin u mal-pagani, bħaċ-ċenturjun f’Kafarnahum u ma’ nies oħra li, billi kienu jaħdmu għall-pagani, kienu meqjusa bħala mniġġsa, bħal Levi l-pubblikan. 

Kien minħabba f’hekk li Ġesù kellu l-inkwiet mal-Fariżej u l-Kittieba għax dawn, għall-kuntrarju ta’ kif kien jaħsibha r-rabbi ta’ Nazaret, kienu jqisu l-liġijiet dwar it-tinġis u l-indafa daqs jekk mhux aqwa mil-liġi tal-imħabba.

Għalhekk Ġesù jieħu l-okkażjoni biex iwissihom li dawn kienu biss ritwali vojta għax m’hemm xejn minn barra li jista’ jtebba’ lill-bniedem imma huma biss is-sentimenti li nbejtu f’qalbna kontra għajrna li jtebbgħu lill-bniedem, bħall-għira, il-mibgħeda, il-vendetta, il-qerq, l-egoiżmu, is-suppervja u r-regħba. Dawn huma li jtebbgħu u jkissru lill-bniedem għax huma kollha kemm huma kuntrarji għas-sejħa naturali li hemm f’kull wieħed u waħda minna: li nħobbu u niġu maħbuba.

Talba

Mulej, għarrafna x’hemm wara kull kelma u mossa tagħna. Kompli dejjem kebbes f’qalbna l-imħabba li hija l-essenza ta’ kull wieħed u waħda minna għax aħna ġejna maħluqa minnek, li inti l-Imħabba nnifisha, u fuq l-istess xbieha u sura tiegħek!