Dak li tnissel fiha hu bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu

Solennità tat-Twelid tal-Imqaddsa Verġni Marija

Kolletta

Agħti lilna, qaddejja tiegħek, Mulej, id-don tal-grazzja tas-sema u kattar is-sliem tiegħek fuqna, miġburin għall-Festa tat-Twelid tal-Verġni mqaddsa Marija, li ġiebet lil Ibnek fid-dinja bħala bniedem, u hekk infetħet għalina t-triq tas-salvazzjoni. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

Sa ma teħles dik li għandha teħles.
Mikea 5: 1-4a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea

Dan jgħid il-Mulej: Int, Betlehem Efrata, ċkejkna biex tkun fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun ħakem f’Israel; hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem, sa minn dejjem.

Għalhekk il-Mulej jitlaqhom sa ma teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas; imbagħad il-bqija ta’ ħutu jerġgħu lura fost ulied Israel, u hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej, fis-sebħ ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu. U huma jgħammru, għax issa tkun kbira setegħtu sat-trufijiet tal-art. U dan ikun is-sliem!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 12: 6

R/. Nifraħ b’ferħ kbir fil-Mulej!

Jien fit-tjieba tiegħek, Mulej, ittamajt;
tifraħ qalbi fis-salvazzjoni tiegħek. R/.

Ngħanni lill-Mulej, għax għamilli l-ġid:
ngħanni lill-isem tal-Mulej, il-Għoli. R/.

Lil dawk li Alla għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll.
Rum 8: 28-30

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu li-Rumani

Ħuti:
Aħna nafu li Alla,
ma’ dawk li jħobbuh,
ma’ dawk li huma msejjħin skont il-provvidenza tiegħu,
f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.
Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu,
ippredestinahom ukoll
biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu,
ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa;
lil dawk li ppredestinahom,
sejħilhom ukoll;
lil dawk li sejħilhom,
iġġustifikahom ukoll;
lil dawk imbagħad li ġġustifikahom,
igglorifikahom ukoll.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Hienja int, Verġni mqaddsa Marija, u tassew jistħoqqlok kull tifħir:
minnek twieled Kristu Alla tagħna, ix-Xemx tal-ġustizzja.
R/. Hallelujah.

Dak li tnissel fiha hu bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.
Mt 1: 1-16. 18-23

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.

Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, Bin David, bin Abraham. Abraham nissel ’l Iżakk, Iżakk nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġuda u ’l ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel ’il Għaminadab, Għaminadab nissel ’il Naħson, Naħson nissel ’il Salmon, Salmon nissel ’il Bogħoż, minn Raħab, Bogħoż nissel ’il Għobed, minn Rut, Għobed nissel ’il Ġesse.

Ġesse nissel lis-sultan David, David nissel ’il Salamun, mill-mara ta’ Urija, Salamun nissel ’il Robogħam, Robogħam nissel ’l Abija, Abija nissel ’l Asa, Asa nissel ’il Ġosafat, Ġosafat nissel ’il Ġoram, Ġoram nissel ’il Għużżija, Għużżija nissel ’il Ġoatam, Ġoatam nissel ’l Aħaż, Aħaż nissel ’il Ħeżekija, Ħeżekija nissel ’il Manasse, Manasse nissel ’l Amon, Amon nissel ’il Ġosija, Ġosija nissel ’il Ġekonija u ’l ħutu; kien żmien l-eżilju f’Babel.

Wara l-eżilju f’Babel, Ġekonija nissel ’il Salatjel, Salatjel nissel ’il Żorobabel, Żorobabel nissel ’l Abihud, Abihud nissel ’l Eljakim, Eljakim nissel ’l Ażor, Ażor nissel ’il Sadok, Sadok nissel ’l Akim, Akim nissel ’l Elihud, Elihud nissel ’l Elgħażar, Elgħażar nissel ’il Mattan, Mattan nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù, li jsejħulu Kristu.

It-tnissil ta’ Ġesù Kristu sar hekk: Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.

Dan kollu ġara biex iseħħ li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Il-Knisja ilha tiċċelebra it-twelid ta’ Imqaddsa Vergni Marija Omma Alla sa mis-sitt seklu. Fl-Iskrittura ma nsibux rakkont tat-twelid ta’ Marija. Madanakollu, dan il-vojt jimtela mill- Proto-Evanġelju ta’ Ġakbu. Skond dan ir-rakkont, Anna u Ġwakkin ma setgħux ikollhom tfal u kienu jitolbu biex jaraw il-frott ta’ mħabbithom. Huma rċevew il-wegħda li se jkollhom tarbija li se tgħin fil-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla. Bħal koppji oħra simili li nsibu fl-Iskrittura dan jagħmel enfasi fuq il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ Marija sa mill-bidu ta’ ħajjitha.  \

Santu Wistin jara rabta bejn it-twelid ta’ Marija u l-ħidma tas-salvazzjoni ta’ binha Ġesù. Hu jgħid li d-dinja biex tifraħ bid-dawl jiddi tat-twelid ta’ Marija. Hi l-fjura minn dik l-għalqa li minnha ħareġ il-Ġilju prezzjuż: Ġesù Kristu. Permezz tat-twelid tagħha, in-natura dgħajfa li writna mill-ewwel ġenituri tagħna nbidlet.  

It-talba tal-ftuħ tal-Quddiesa—il-Kolletta li tidher iktar ’il fuq—titkellem dwar it-twelid ta’ Bin Marija bħala s-sebħ tas-salvazzjoni u titlob biex ikun hawn aktar paċi. F’kull twelid uman aħna nistgħu naraw sejħa għal tama ġdida fid-dinja. L-imħabba bejn żewġ persuni umani saret haġa #waħda mal-ħidma kreattiva ta’ Alla. 

Il-ġenituri li jġibu fid-dinja ħolqien ġdid juru t-tama f’dinja kollha inkwiet. Il-wild il-ġdid għandu potenzjal biex ikun kanal tal-imħabba u l-paċi ta’ Alla għad-dinja. Dan kollu seħħ f’Marija.  

Jekk Ġesù hu l-espressjoni perfetta tal-imħabba ta’ Alla, Marija hi il-prekursur ta’ din l-imħabba. Jekk Ġesù ġab il-milja tas-salvazzjoni, Marija hi ż-żerniq ta’ din l-istess salvazzjoni. Iċ-ċelebrazzjonijiet tat-twelid iġibu l-ferħ kemm lil min ikun għalaq sninu kif ukoll lill-familja tiegħu u lil sħabu. 

Wara it-twelid ta’ Ġesù, it-twelid ta’ Marija joffri ferħ kbir lid-dinja. Kull darba li niċċelebraw it-twelid tagħha, inkunu qed nittamaw f’aktar paċi fi qlubna u fid-dinja kollha.  

Talba

F’dinja li, kif jgħid Papa Franġisku, qed tgħix it-tielet gwerra dinjija frammentata, nitolbu l-interċessjoni tiegħek, Marija Bambina, biex tidhol għalina u taqlgħalna r-rigal tal-paci. Idħol għal dawk il-ġenituri li qed jitolbu għal wild fil-familja tagħhom. Ħares lill-ommijiet li qed jistennew biex iwelldu it-tarbija tagħhom. O Marija Bambina, idhol għalina u għad-dinja kollha quddiem it-Trinità Qaddisa. Ammen.