Dan hu ġismi. Dan hu demmi.

Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu

Hawn hu d-demm tal-Patt li l-Mulej għamel magħkom.
Eż 24:3-8

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè niżel jgħid lill-poplu kulma qallu l-Mulej u kulma ordnalu. Il-poplu wieġeb b’leħen wieħed u qal: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh”.

Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u filgħodu qam, bena altar taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta’ Iżrael.

Imbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej. Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-altar. Imbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta’ jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu”.

Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skont dan il-kliem kollu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 115(116):12-13,15,16bċ,17-18

R/. (13): Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ.

Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

Id-demm ta’ Kristu jnaddaf il-kuxjenza tagħna.
Lhud 9:11-15

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art; hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.

Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġla mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem, kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħkom mill-għemil mejjet biex taqdu lil Alla ħaj!

U għalhekk hu medjatur ta’ patt ġdid, testment ġdid, biex, wara li seħħet il-mewt għall-fidwa tal-ħtijiet li saru fi żmien il-patt ta’ qabel, dawk li huma msejħa minn Alla jiksbu l-wirt ta’ dejjem li hu wegħedhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SEKWENZA
Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-Anġli, magħmul ikel.

Faħħar, Sijon, lill-Feddej,
ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,
bl-innijiet u bl-għana.

Ibqa’ faħħru daqskemm tista’,
għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,
qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.

Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,
il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,
hawn quddiemna f’dan il-jum.

Dak il-ħobż li fuq il-mejda,
lill-appostli fl-ikla mqaddsa,
kien ingħata biex jikluh.

Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,
b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,
ikun jixraq ferħ ir-ruħ.

Għax dal-jum ta’ festa kbira,
ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,
meta saret l-ewwel darba.

F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,
l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,
temm għal kollox l-Għid qadim.

Il-qadim twarrab mill-ġdid,
dak li hu ġie flok ix-xbieha,
id-dawl biegħed dlam il-lejl.

Dak li twettaq fl-aħħar ċena,
Kristu ried jibqa’ jiġġedded,
biex ikun tifkira tiegħu.

Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,
nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna
b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.

Twemmin ġdid lilna l-Insara,
li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,
u l-inbid jinbidel f’Demm.

Dak li ma tarax jew tifhem,
it-twemmin isaħħu u jwettqu,
fuq kull ordni tan-natura.

Taħt xbihat fejn aħna nilmħu
mhux il-ħajja, imma sinjali,
jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.

Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;
iżda Kristu sħiħ hemm moħbi
taħt kull waħda mix-xbihat.

Sħiħ jittiekel Kristu kollu,
bla jitkisser, bla jitfarrak,
bla jinqasam minn min jieħdu.

Jieklu elf u jiekol wieħed,
kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,
bla jintemm meta jittiekel.

Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ’l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel.

Meta l-Ostja tkun maqsuma,
la tibżax, imm’inti ftakar,
taħt ix-xbieha ta’ kull farka
hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.

Ebda ksur ma jsir fi Kristu;
biss ix-xbieha tkun miksura:
u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas
f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.

Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.

Bi xbihat kien ilu mħabbar,
f’dik l-offerta ta’ Iżakk,
fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,
u fil-manna tad-deżert.

Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
int itmagħna u ħarisna:
inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.

Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.

Amen. Hallelujah.

Lauda Sion Salvatorem,
lauda ducem et pastorem,
in hymnis et canticis.

Quantum potes, tantum aude:
quia maior omni laude,
nec laudare sufficis.

Laudis thema specialis,
panis vivus et vitalis
hodie proponitur.

Quem in sacrae mensa cenae,
turbae fratrum duodenae
datum non ambigitur.

Sit laus plena, sit sonora,
sit iucunda, sit decora
mentis iubilatio.

Dies enim sollemnis agitur,
in qua mensae prima recolitur
huius institutio.

In hac mensa novi Regis,
novum Pascha, novae legis,
phase vetus terminat.

Vetustatem novitas,
umbram fugat veritas,
noctem lux eliminat.

Quod in cena Christus gessit,
faciendum hoc expressit
in sui memoriam.

Docti sacris institutis,
panem, vinum in salutis
consecramus hostiam.

Dogma datur christianis,
quod in carnem transit panis,
et vinum in sanguinem.

Quod non capis, quod non vides,
animosa firmat fides,
praeter rerum ordinem.

Sub diversis speciebus,
signis tantum et non rebus,
latent res eximiae.

Caro cibus, sanguis potus:
manet tamen Christus totus
sub utraque specie.

A sumente non concisus,
non confractus, non divisus:
integer accipitur.

Sumit unus, sumunt mille:
quantum isti, tantum ille:
nec sumptus consumitur.

Sumunt boni, sumunt mali:
sorte tamen inaequali,
vitae vel interitus.

Mors est malis, vita bonis:
vide paris sumptionis
quam sit dispar exitus.

Fracto demum sacramento,
ne vacilles, sed memento
tantum esse sub fragmento,
quantum toto tegitur.

Nulla rei fit scissura:
signi tantum fit fractura,
qua nec status, nec statura
signati minuitur.

Ecce panis angelorum,
factus cibus viatorum:
vere panis filiorum,
non mittendus canibus.

In figuris praesignatur,
cum Isaac immolatur,
agnus Paschae deputatur,
datur manna patribus.

Bone pastor, panis vere,
Iesu, nostri miserere:
Tu nos pasce, nos tuere,
Tu nos bona fac videre
in terra viventium.

Tu qui cuncta scis et vales,
qui nos pascis hic mortales:
tuos ibi commensales,
coheredes et sodales
fac sanctorum civium.

Amen. Alleluia.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 6:51

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
R/. Hallelujah.

Dan hu ġismi. Dan hu demmi.
Mk 14:12-16,22-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalu lil Ġesù: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”.

Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”.

U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla”.

Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Dan l-Evanġelju jurina lil Kristu jissieħeb mad-dixxipli tiegħu biex jagħmel l-aħħar ikla tal-Għid magħhom.  Huwa fatt sinifikanti li dan il-passaġġ jibda b’dettall fuq din it-tifkira: “Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-Ħaruf tal-Għid.”  Dan qed juri li din it-tifkira hekk għażiża għall-Lhud ser issib il-milja tagħha fi Kristu, fil-Ħaruf bla tebgħa li ser jingħata għas-salvazzjoni tal-bniedem.  Kristu, permezz tal-missjoni u l-passjoni tiegħu, huwa l-ħmira għal ħajja sħiħa.

L-aktar ħaġa li tispikka f’dan ir-rakkont hija l-għotja ġeneruża u libera li jagħmel Kristu meta joffri lilu nnifsu.  Permezz ta’ din l-għotja sħiħa ta’ Kristu, il-Patt ta’ Alla mal-bniedem jilħaq il-milja tiegħu.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-Lhud tal-ħelsien mill-Eġittu u l-patt fuq il-muntanja Sinaj jilħqu l-milja tagħhom permezz tal-kliem ċar u tond ta’ Kristu: “Dan huwa d-demm tal-Patt li jixxerred għal ħafna.”  Għall-kuntrarju tal-Patt il-Qadim, iffirmat permezz tad-demm tal-annimal tal-offerta, il-Patt il-Ġdid iseħħ permezz tal-ġisem u d-demm tat-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa.

Dan mhuwiex att ta’ umiljazzjoni.  Anzi, din l-għotja tixħet dawl fuq imħabba hekk profonda ta’ Alla, fuq ’l hekk imsejjħa kenożi, fejn kif jgħid San Atanasju, “Alla jsir bniedem biex il-bniedem jilħaq lil Alla.”  Din l-għotja ta’ Kristu b’mod tassew viżibbli u sħiħ tagħti dinjità ġdida lill-bniedem.  Mhijiex xi tifkira.  Hija esperjenza.  Kristu jgħid:  “Dan huwa ġismi … dan huwa d-demm tal-patt.”  Kristu jitkellem fil-preżent; fuq fatt.  Dan il-preżent jibqa’ għaddej sal-aħħar taż-żminijiet.  Din l-għotja sseħħ frott l-imħabba libera li Alla għandu għall-bniedem b’mod sħiħ: kemm ġisem u kemm ruħ.  Is-salvazzjoni tgħaddi għall-bniedem permezz tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu. 

Is-solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu tfakkarna fl-għaqda permezz tal-Ewkaristija.  Hekk kif Kristu għaqqad lid-dixxipli madwaru fuq il-mejda, u mbagħad b’mod aktar mistiku permezz ta’ ġismu u demmu, hekk jagħmel Alla permezz ta’ Kristu kull meta l-ġemgħa tinġabar biex tiċċelebra l-Ewkaristija.  Permezz tal-parteċipazzjoni sagramentali tal-komunità fl-Ewkaristija, il-komunità tinbidel b’mod interjuri f’għaqda mill-aktar perfetta ma’ Alla.  L-Ewkaristija tgħaqqad lill-komunità fi mħabba msejsa fuq l-imħabba perfetta ta’ bejn it-tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa.

Kif jgħid il-Papa Franġisku f’waħda mill-omeliji tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu,  Corpus Christi, il-parteċipazzjoni tal-komunità fl-Ewkaristija “ddaħħalna fi vjaġġ fejn m’hemmx lok għall-firda.  Kristu, preżenti fostna, permezz tas-sinjali tal-ħobż u nbid, jitlob li l-qawwa tal-imħabba tirbaħ kull ferita u fl-istess waqt issir komunjoni mal-ifqar fost il-fqar, appoġġ għall-batut, attenzjoni fraterna għat-tbatija tan-nies ta’ madwarna  u dawk li qegħdin f’riskju li jitilfu l-fidi” (04 ta’ Ġunju 2015).

Mulej, għinni nagħraf u napprezza l-imħabba hekk qawwija li għandek għalija, tant li tajtni lil Ibnek b’mod sħiħ, għax sħiħa u perfetta hi l-imħabba tiegħek. 

Mulej, għinni napprezza s-sbuħija ta’ dan il-ġisem li inti tajtni, anke meta niftakar li s-salvazzjoni tal-bniedem ma seħħitx b’xi mod maġiku iżda, għalkemm misteru, din is-salvazzjoni ġiet mogħtija  permezz tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnek, veru Alla u veru Bniedem.

Mulej, għinni nkun għotja għal dawk ta’ madwari.  Fuq kollox, għinni biex dak li rċevejt mingħandek permezz tal-grazzja tiegħek, ngħaddih ukoll lil dawk ta’ madwari, f’dinja li, aktar minn qatt qabel, hi tassew għatxana għal dak li jiswa; għal dak li jibqa’.