Dan hu Ibni l-għażiż

It-Tieni Ħadd tar-Randan Sena B

Kolletta

O Alla, li ridtna nisimgħu lil Ibnek l-għażiż, itmagħna bl-ikel tal-kelma tiegħek, u agħmel li nsaffu l-għajnejn ta’ ruħna ħalli nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.
Ġen 22:1-2,9a,10-13,15-18

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”. U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U waslu fil-post li kien semmielu Alla. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!”. U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.

U Abraham rafa’ għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu: “Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – ladarba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 115(116):10,15-19

R/. (9): Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.

Bqajt nemmen, imqar meta għedt:
“Jien imdejjaq ħafna!”.
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. R/.

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,
jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu,
fil-btieħi ta’ dar il-Mulej,
ġo nofsok, Ġerusalemm! R/

Alla lanqas lil ibnu stess ma ħafirha.
Rum 8:31b-34

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mk 9:7

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minn ġos-sħaba kollha dawl instama’ leħen il-Missier jgħid:
“Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu”.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Dan hu Ibni l-għażiż.
Mk 9:2-10

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Fl-Ewwel Qari tal-lum insibu tliet sejħiet li Alla għamel lil Abraham. L-ewwel waħda kienet biex joffri lil ibnu, u it-tieni biex ma jagħmilx ħsara lil ibnu. Għal dawn iż-żewġ sejħiet, Abraham wieġeb bl-akbar ħeġġa: “Hawn jien.” Fit-tielet sejħa, bil-kuntrarju tal-ewwel sejħa, il-Mulej lil Abraham ikellmu fuq dak li ser jagħtih u li kien ferm aktar minn dak li talbu fl-ewwel sejħa.

Tajjeb li quddiem dan il-qari, nirriflettu dwar kemm nixbhu jew le lil Abraham fid-dispożizzjoni tiegħu biex inwieġbu għas-sejħiet li Alla jagħmlilna ta’ kuljum fil-ħajja tagħna permezz tal-Kelma tiegħu li twasslilna r-rieda tiegħu għalina.

F’Salm 115, is-salmista jibda t-talba tiegħu billi jiftaħ qalbu ma’ Alla u jgħidlu kemm hu mdejjaq. Minkejja kollox jemmen li f’Alla biss isib il-ħelsien mill-irbit. U jien matul dan ir-Randan x’għandi xi jxekkilni u li minnu għandi bżonn ninħeles mill-irbit?

Fit-Tieni Qari, San Pawl jinkorragina: “Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu.” Jekk nerġgħu nħarsu lejn l-Ewwel Qari, Alla ħeles lil iben Abraham mill-mewt, iżda mhux hekk għamel ma’ Ibnu Ġesù Kristu, kif jgħid San Pawl: “lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha.”

Ejjew matul dan iż-żmien tar-Randan napprofondixxu l-gratitudni lejn Alla li f’Ibnu tana kollox. Ejjew ma niddubitaw qatt mill-imħabba li Alla l-Missieri għandu għal kull wieħed u waħda minna tant li kien lest isalvana permezz ta’ Ibnu Ġesù.

L-Evanġelju jippreżentalna r-rakkont tat-trasfigurazzjoni tal-Mulej quddiem id-dixxipli tiegħu. Dan seħħ sitt ijiem wara li Ġesù ħabbar il-passjoni u l-mewt tiegħu, u dan b’ħafna oppożizzjoni minn Pietru. L-istudjużi tal-Iskrittura jgħidulna li permezz tat-trasfigurazzjoni Ġesù ried iqawwi qalb id-dixxipli tiegħu. Naqraw ukoll kif Alla l-Missier ikkonferma li dan Ġesù kien Ibnu l-għażiż li lilu rridu nisimgħu.

Tolqotna f’dawn it-tliet testi l-kelma rikkorenti: l-Iben. Fl-ewwel test naraw it-tama li kellu Abraham fl-iben li kien ser ikun il-werriet tiegħu. F’San Pawl naraw kif Alla l-Missier tana lil Ibnu biex isalvana. U fl-Evanġelju naraw lil Alla jagħmlilna sejħa jew aħjar stedina biex nisigħmu lil Ibnu.

Talba

Mulej, saħħaħ fina x-xewqa li nagħmlu r-rieda tiegħek, anke jekk titlob minna dak kollu li qalbna tkun marbuta miegħu. Qawwilna qalba f’ċirkustanzi diffiċli. Jalla l-iva tagħna tkun tixbah lil dik ta’ Abraham. Jalla l-qalb tagħna tkun qalb li tisma’ l-leħen tal-Iben il-maħbub tiegħek. Ammen.