Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien

Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

Ħenn għalina, Mulej, qaddejja tiegħek, u kollok tjieba kattar fuqna d-doni tal-grazzja tiegħek, biex nitħeġġu fit-tama, fil-fidi u fl-imħabba u nishru dejjem sal-aħħar fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Inti tagħti lill-midinbin żmien għall-indiema.
Għerf 12, 13.16-19

Qari mill-Ktieb tal-Għerf
M’hemmx Alla ieħor ħliefek, li jieħu ħsieb kollox
biex ikollok turih li ma qtajtx il-ħaqq ħażin.

Għax is-setgħa tiegħek hi l-għajn tal-ġustizzja,
u, għax int Sid ta’ kollox, lil kulħadd tagħder.

Int turi saħħtek ma’ min ma jemminx fil-kobor ta’ setegħtek:
u trażżan ’il dawk li, għalkemm jafuha,
iqumu kontriha.

Għax sid il-qawwa, int tagħmel il-ħaqq bil-ħniena;
lilna tmexxina bi tjieba kbira.
Għalkemm għandek is-setgħa, issibha wkoll meta tridha.

B’dan l-għemil int għallimt lill-poplu tiegħek,
li l-ġust għandu jkun twajjeb.

Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek,
li inti tagħti żmien għall-indiema ta’ dnubiethom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 85 (86), 5-6.9-10.15-16a

R/. (5a): Mulej, inti twajjeb u taħfer

Int, Sidi, twajjeb u taħfer,
kollok tjieba għal kull min isejjaħlek.
Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi,
isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi. R/.

Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek,
u jsebbħu ismek, Sidi.
Għax kbir int, u għemejjel tal-għaġeb tagħmel;
int waħdek Alla! R/.

Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb,
iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.
Ħares lejja u ħenn għalija,
agħti qawwa lill-qaddej tiegħek. R/.

L-Ispirtu stess jidħol għalina.
Rum 8, 26-27

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien.
Mt 13, 24-43

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.

Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.

Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.

Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:

“Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija
sa mit-twaqqif tad-dinja”.

Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikum hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien.
Mt 13, 24-30

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.

Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.

Riflessjoni

Il-Ħadd li għadda, dal-Ħadd, u l-Ħadd li ġej, il-Liturġija tal-Kelma tippreżentalna t-tema tas-Saltna ta’ Smewwiet permezz ta’ kapitlu tlettax tal-Evanġelju skont San Mattew, li ġabar numru ta’ parabboli li qal Ġesù fuq din is-Saltna. Din it-tema hija l-qofol tal-predikazzjoni ta’ Kristu li fil-biċċa l-kbira tagħha seħħet permezz tal-parabboli. Kif jikteb il-Papa Benedittu XVI f’Ġesù ta’ Nazaret: “Inbidlu ż-żminijiet u ċ-ċiviltajiet u l-parabboli baqgħu dejjem jolqtuna mill-ġdid bil-freskezza u l-umanità tagħhom … fil-parabboli nħossuna qrib ta’ Ġesù, kif għex u għallem.” 

Għalhekk, ejjew bl-immaġinazzjoni mmorru f’xatt il-baħar, fejn jinġabru ħafna nies u Ġesù jitla’ fuq dgħajsa u joqgħod bil-qiegħda fiha. Folol kbar qegħdin bil-wieqfa fuq ix-xatt u Ġesù qed ikellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli. U, kif ġara fi żmien Ġesù, aħna wkoll jiġrilna bħad-dixxipli meta marru lura d-dar: nistaqsuh xi jrid ifisser ma’ kull parabbola. 

U Ġesù jagħtina t-tifsira tal-parabbola, f’dal-każ dik tal-qamħ u s-sikrana. Ġesù jrid iwassal lid-dixxipli tiegħu biex jifhmu li dawk li huma wlied is-Saltna se jsibu t-tfixkil minn dawk li jagħmlu l-ħażin. Iżda, finalment, dawk tal-ewwel se jkunu ppremjati “fis-Saltna ta’ Missierhom,” filwaqt li l-oħrajn se jispiċċaw “fil-ħuġġieġa tan-nar.”  

Din il-parabbola tfakkarna li Alla ħalaq kollox tajjeb u sabiħ, kif insibu fir-rakkont tal-ħolqien, imma wara daħal il-ħażin u l-ikrah. L-għadu tagħna, ix-Xitan, jiżra’ fina u madwarna kull xorta ta’ ġibdiet ħżiena, egoiżmu, mundanità (kif iħobb isejħilha l-Papa Franġisku), kilba għall-pjaċir, u ġirja sfrenata għall-flus u l-poter … kollha effett tad-dnub oriġinali. 

Allura tajjeb nirriflettu li anke fina hemm il-qamħ u s-sikrana. Ħadd mhu kollu tajjeb jew kollu ħażin. Irridu noqogħdu attenti u għassa. Ma nistgħux nkunu passivi (“reqdin”) għax, jekk lill-għadu ma niqfulux, dan iqum u jħajjarna nagħmlu għażliet żbaljati. Ix-xtieli tal-qamħ u s-sikrana jixxiebhu ħafna, imma tagħrafhom mill-frott tagħhom. Aħna kultant niġu f’diffikultà biex nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin—“mill-frott tagħhom tagħrfuhom” (Mt 7, 20).   

Ġesù jkompli wkoll jgħid parabboli oħra li jkompli jfissrulna l-implikazzjonijiet tas-Saltna ta’ Smewwiet. Bħaż-żerriegħa tal-mustarda, irridu nħabirku biex is-Saltna tikber, u rridu nġibu ruħna bħall-ħmira fl-għaġna. Niftakru li qed ngħixu fid-dinja imma m’aħniex tad-dinja, kif insibu fl-Evanġelju skont San Ġwann meta Ġesù jitlob lill-Missier: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin” (Ġw 17, 15).  

Ġesù jgħallimna ngħixu r-realtajiet mingħajr ma ninqabdu fihom u fejn possibbli niqfulhom ukoll. Noqogħdu attenti kif inġibu ruħna kemm meta nirreżistu lill-ħażin u kif ukoll meta nirrelataw mal-oħrajn fejn jeħtieġ li niddistingwu bejn il-persuna li tagħmel il-ħażin u l-għemil ħażin fih innifsu. Dan huwa l-mod kif Ġesù dejjem aġixxa mal-midinbin: bi mħabba u mogħdrija. Bl-imġiba tagħna ngħaddu messaġġ pożittiv, ferrieħi, li jgħin lill-oħrajn fid-diffikultajiet tagħhom. 

Talba

Mulej, tiġi Saltnatek. La ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna minn kull deni.