Il-fejqan sħiħ fir-radd ta’ ħajr

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

Nitolbuk, Mulej, li l-grazzja tiegħek dejjem tqanqalna u tieqaf magħna, u tħeġġiġna biex inkunu l-ħin kollu medhija b’għemejjel tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Nagħman raġa’ lura għand il-bniedem ta’ Alla u stqarr lill-Mulej.
2 Slat 5:14-17

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-Sultan ta’ Aram, niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu. U raġa’ lura għand Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek”.

U qallu Eliżew: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn”. U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna. Għalhekk Nagħman qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4

R/.(ara 2b): Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

Jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu ma’ Kristu.
2 Tim 2:8-13

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, ftakar f’Ġesù Kristu,
li qam mill-imwiet,
li hu min-nisel ta’ David,
skond l-Evanġelju li ħabbart jien.
Għalih jien qiegħed inbati
sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt.
Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta!
Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li Alla għażel,
biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni,
li hi ta’ glorja għal dejjem fi Kristu Ġesù.
Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha:
Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;
jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll;
jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;
jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu;
għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Tess 5:18

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Iżżu ħajr lil Alla f’kollox.
Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.
R. Hallelujah.

Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani.
Lq 17:11-19

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fis-silta li tippreżentalna l-Knisja għal dan il-Ħadd, l-Evanġelista jlaqqagħna ma’ għaxar irġiel morda bil-lebbra. Fi żmien Ġesù, il-lebbruż kien jisfa’ mkeċċi barra mill-belt, skartat mis-soċjetà, emarġinat u kkundannat għal għomru bħala bniedem misħut minn Alla. Skont il-liġi Lhudija il-lebbruż kien imniġġes u għalhekk kien miċħud mill-komunità. Il-ġdiem bħal donnu kien dnubu stess imnaqqax fuq il-ġilda, id-dnub li bħal ġdiem iħassar lil persuna kollha kemm hi.

Fil-qlub ta’ dawn l-għaxar irġiel morda nibtet il-fidi f’Ġesù. Filwaqt li żammew id-distanza minnu, l-għaxar lebbrużi għollew leħinhom biex isemmgħu l-karba tagħhom għax emmnu li Ġesù seta’ jeħlishom mill-ġdiem tagħhom u jagħtihom ħajja ġdida: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!” (v. 13). Ġesù jiltaqa’ magħna fejn inkunu. Hu x’inhu l-ġdiem li qed iżommna ’l bogħod minn Alla u minn ħutna l-bnedmin, Ġesù irid ifejjaqna u jroddilna lura d-dinjità ta’ wlied Alla li tlifna permezz tad-dnub. Induru lejh u nitolbuh: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”

L-Evanġelista jgħidilna li xħin Ġesù ra lil dawn l-għaxar lebbrużi jitolbuh il-ħniena, huwa bagħathom juru rwieħhom lill-qassisin biex dawn jikkonfermaw li kienu mfejqa u li setgħu jerġgħu jingħaqdu mal-komunità. Tabilħaqq li l-fidi f’Ġesù wasslithom biex jagħmlu dak li qalilhom u proprju kif obdew u qabdu t-triq li huma fiequ mill-marda tagħhom.

Fil-ħajja spiritwali tagħna qed nintelqu f’idejn il-Mulej b’fiduċja fih, u nħallu lilna nfusna niġu mdawwla bil-Kelma tiegħu?

Luqa jkompli jgħidilna li wieħed mill-għaxar irġiel, li kien Samaritan, “kif ra ruħu mfejjaq raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla” (v. 15). Lil dan il-wieħed biss Ġesù qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek” (v. 19). Dan ir-raġel irċieva l-fejqan sħiħ meta għaraf lil Ġesù bħala l-għajn tas-salvazzjoni tiegħu u nxteħet wiċċu fl-art f’riġlejh iroddlu ħajr (v. 16). Id-disgħa l-oħra, minkejja li rċevew il-fejqan, baqgħu sejrin għal għonq it-triq mingħajr ma għarfu l-kobor tal-imħabba ta’ Alla għalihom fil-persuna ta’ Ġesù.

Kemm għandna fiduċja fl-imħabba ta’ Alla għalina? Kemm aħna konxji li kollox huwa rigal? Ejjew nieqfu ftit u nirriflettu fuq il-grazzji li nirċievu ta’ kuljum mingħand il-Mulej u ngħidulu, “GRAZZI!”

Talba

Salvana, Mulej, Alla tagħna,

u iġmagħna minn fost il-ġnus,

biex irroddu ħajr lill-isem qaddis tiegħek

u niftaħru bit-tifħir tiegħek.

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,

minn dejjem għal dejjem!

Salm 106, 47-48