Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan

L-Epifanija tal-Mulej

Kolletta

O Alla, inti llum b’kewkba mexxejt il-ġnus u għarraftilhom lil Ibnek il-waħdieni; fil-ħniena tiegħek agħtina li aħna, li diġà għarafniek bis-saħħa tal-fidi, naslu biex nitgħaxxqu bik wiċċ imb wiċċ fis-sebħ tal-kobor tiegħek fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Is-sebħ tal-Mulej jiddi fuqek.
Is 60, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Qum! Ħa jiddi wiċċek!
Id-dawl tiegħek wasal!
Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek.
Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek.

Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:
ilkoll miġbura ġejjin għandek.
Uliedek ġejjin mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,
u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,
u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.

Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;
ilkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13

R/. (ara 11): Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art. R/.

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,
is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu jaqdu. R/.

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.

Issa ġie rrivelat li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wegħda.
Ef 3, 2-3a. 5-6

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru. Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 2, 2

Hallelujah. R/. Hallelujah
Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-Lvant,
u ġejna nqimu l-Mulej.
R/. Hallelujah

Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan.
Mt 2, 1-12

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Ħafna drabi fil-presepji u fl-arti naraw lill-maġi—dawn l-għorrief mill-Orjent—għarkubtejhom jew b’rashom baxxuta. Imma l-frażi “inxteħtu fl-art iqimuh” (pipto proskyneō) tagħti iktar it-tifsira ta’ niżlu wiċċhom fl-art. Nirrifletti personalment kemm aħna neqsin minn das-sens ta’ adorazzjoni profonda tal-preżenza ta’ Alla fostna. Kultant bilkemm reverenza sura ta’ nies ma nagħmlu, aħseb u ara li ninxteħtu wiċċna fl-art!  

It-Tieni Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin jagħtina s-sens ta’ din is-solennità: “il-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju” (Ef 3, 6). F’din il-festa, aħna niċċelebraw il-manifestazzjoni, id-dehra, ta’ Bin Alla magħmul Bniedem lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.   

Għal xi wħud (bħal Erodi), il-miġja ta’ Ġesù hi skomda u theddida għall-istil ta’ ħajja li jridu jgħixu. U dawn juru b’kull mezz li ma jridux li s-soċjetà tagħna tkun iggwidata mill-persuna ta’ Ġesù jew mill-kultura tiegħu.  
Aħna xi rridu?  

Insaqsu lilna nfusna: Il-miġja ta’ Ġesù f’ħajjitna tħawwadna? Triegħed is-sisien ta’ ħajjitna? Issuqna biex ninbidlu, biex insiru aħjar? Tqarribna lejn Alla?   

Insaqsi lili nnifsi: din il-miġja saret f’ħajti? Jew ippruvajt ninħeba bil-ħafna drawwiet reliġjużi Nsara imma lil Ġesù rari jew qatt ma ltqajt miegħu? Iva, mistoqsija tajba u reali din. Ladarba aħna nemmnu li Ġesù hu ħaj, mela nista’ niltaqa’ miegħu personalment!  

Talba

Missier, nirringrazzjak li bgħatt lil Ġesù biex jurina min INT. Grazzi li bgħattu fostna, umli, fqajjar, ċkejken. Missier, għall-merti tiegħu, agħtina li nsiru nafuk, li nfittxuk b’ħerqa u bżulija bħall-Maġi u, meta nsibuk, nadurawk kif jixraqlek. Ammen.