Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek
Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu
Solennità
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu lill-kobor tiegħek u jfaħħruk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Immaġina li kont wieħed mill-mislubin ma’ Ġesù u għidli f’liema garigor ta’ moħħok ifaqqaslek li ddur fuq ta’ ħdejk, miżerabbli bħalek—jekk mhux iktar minnek, għax inti ċuċ kwalunkwe u hu kien rabbi magħruf u mfittex għall-qawwa ta’ kliemu u s-setgħa ta’ għemilu—u tasal tagħmel talba li fl-istess ħin hija stqarrija kuraġġuża li min hemm minxur bħalek fin-nofs hu Alla: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.”
U hija diffiċli li timmaġinaha għax nafu kif inħossuna meta imġarrbin bil-mard, mifnija bil-problemi tal-familja li jinqalgħu ta’ kuljum u li b’xi mod trid issolvihom. Insibuha diffiċli f’dinja f’xifer ta’ gwerra mondjali oħra. Insibuha diffiċli fi Knisja umiljata minn uliedha stess—Knisja li, xi kultant bħal Kristu u sħabu mislubin miegħu, qed tħallik bla mkien fejn tistkenn, lanqas fl-imrammi sodi tal-verità li, minkejja xi kultant tweġġa’ u tniggeż, imma kienet għadha wieqfa hemm u stajt tissara jew tiggranfa magħha. Insibuha diffiċli f’soċjetà fejn il-politika hija sempliċi logħba manipulattiva u mhux miġġielda fuq il-front ta’ ideali sodi li, minkejja li xi minn daqqiet kienu jaħbtu ma’ xulxin, kienu jagħtu direzzjoni ċara lil min iħaddan dak l-ideal. Hija diffiċli f’soċjetà fejn lit-tfal u ż-żgħażagħ m’għadniex noffrulhom mudelli ta’ adulti li jispirawhom sabiex huma wkoll jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom, imma minflok qed inħalluhom jiġu influwenzati minn influencers li saru allat fl-injoranza tagħhom. Kif tista’ f’din ir-realtà daqshekk kruda tibqa’ temmen u tagħmel att ta’ fiduċja bħal dak li jagħmel dan il-ħalliel li, wara dak kollu li għamel—forsi wkoll konsegwenza ta’ dinja li tatu bis-sieq u allura sab il-kenn fil-vjolenza—jasal li jipprova jagħmel l-aħħar tentattiv biex jisraq biljett tad-dħul għall-ġenna proprju fil-mument li għalih kien l-infern l-iktar estrem ta’ tbatija u umiljazzjoni?
Ma nafx kif wasal għal din il-qabża ta’ fidi meta kulħadd madwaru kien qed jixhed bil-kontra u jiżżufjetta bis-Sultan mislub. Li naf hu li, bħala nsara, hu mistenni minna dan l-att ta’ fidi: li nibqgħu nsejħu isem il-Mulej meta jidher tellief quddiem il-ħażen tad-dinja, jew saħansitra meta jagħżel li jaħbi wiċċu minna bħal donnu mhuwiex hemm; li nibqgħu nfaħħruh meta nkunu kważi wasalna fl-estrem tad-dagħa; li nibqgħu nemmnu li hu Sultan, li teżisti Saltna li mhijiex bħal ta’ din id-dinja meta fl-istrata kollha tas-soċjetà tagħna jsaltnu l-qerq u l-korruzzjoni; li, wkoll jekk bid-dmugħ f’għajnejna u b’leħinna fgat minħabba l-problemi u l-ħajja ta’ ġenn u kollha ansjetà li qed ngħixu, xorta waħda nibqgħu nduru lejh u nitolbuh, “Ġesù, ftakar fija”—u din tkun l-aħħar tama tiegħek u l-aħħar kelmiet li għad għandek is-saħħa tlissin.
Il-konsolazzjoni hi li xi darba dak li lilu tlissnet din il-karba kien mislub bħalek. U, minkejja li issa m’għadux fuq il-Golgota, għadu jġorr f’ġismu l-marki tal-imsiemer u l-lanza minkejja li issa għandu ġisem glorjuż. Nistgħu nitfarrġu għax ta’ kuljum, madwar id-dinja kollha, għadu jiġġedded dan l-istess sagrifiċċju tal-Kalvarju biex, mhux biss aħna niftakru fih, imma wkoll Hu jurina li ma nesiniex u ma telaqniex waħedna.
Talba
Ġesù, ftakar fija minn fejn qiegħed issaltan rebbieħ. Sakemm nibqa’ ntenni din il-karba, l-infern li fih qed ngħix mhuwiex se jegħlibni imma se jsir għalija salvazzjoni għax kien fih li inti nżilt biex tifdina. Il-kont ġa ħallastu kollu u baqa’ ħafna iktar ukoll. Għalhekk, agħtina l-grazzja li, kif ninsab mislub, inħalli ’l ħajti tieħu l-istess forma tiegħek bħalma inti ftaħt idejk beraħ biex tieħu l-forma tagħna.
Ammen