Ġesù jfejjaq ħafna morda minn bosta mardiet
Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena B
Kolletta
Fi tjubitek, Mulej, ħares dejjem il-familja tiegħek, u kun int l-għajnuna u l-qawwa tagħha, għax hi ma għandhiex tama oħra ħlief il-grazzja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni
L-Evanġelju tal-lum jurina b’mod mill-iktar ċar kif San Mark jinseġ ir-rakkonti b’mod mill-iktar naturali, wieħed wara l-ieħor, qisek qed tara film jew reċta tinħadem quddiemek fejn it-tranżizzjoni minn xena għal oħra hija mill-iktar mexxejja, jekk mhux ukoll kważi kważi mgħaġġla. Fil-Ħdud li għaddew smajna lil Ġesù jsejjaħ għall-indiema għax is-Saltna ta’ Alla waslet, imbagħad isejjaħ lill-ewwel dixxipli li mill-ewwel iħallu kollox biex jimxu warajh, jibqa’ sejjer dritt magħhom fis-sinagoga ta’ Kafarnahum fejn jeħles lir-raġel bi spirtu ħażin, u, ġaladarba jkunu Kafarnahum imorru fid-dar ta’ Pietru—kollox donnu jseħħ f’jum wieħed.
B’din l-għaġla li taqtgħalna nifisna, kważi kważi San Mark irid mhux biss ifissrilna bil-kliem imma wkoll bl-adrenalina li jġegħilna nħossu jurina li d-dixxipulat, li timxi wara l-Mulej, ifisser li ma tistax tistaġna. Dan jgħodd sew għal dawk li lill-Mulej jagħtuh ħajjithom kollha fil-kontemplazzjoni jew fil-qadi tal-poplu ta’ Alla, u sew għal kull minn jilqa’ l-isfida li jgħix ta’ Nisrani b’mod sħiħ fil-familja fis-soċjetà, kullimkien. Faċli tieqaf fil-post fejn kulħadd iħobbok, fejn tħossok qed tagħmel il-ġid, fejn tħossok is-salvatur. Imma kieku Ġesù mexa skont ma qalulu d-dixxipli u skont ma xtaqu n-nies ta’ Kafarnahum, kieku ma kien jasal qatt Ġerusalemm u jsalvana permezz tal-mewt fuq is-salib.
Noqogħdu attenti. Din il-mobbiltà kontinwa ma tfissirx li ħażin għal kulħadd li jkun fl-istess post. Hemm ħajja Nisranija li titlob rabta, bħalma huma ż-żwieġ u l-familja, impenn soċjali f’post partikolari, dedikazzjoni sħiħa f’impjieg, ħajja kontemplattiva f’monasteru. Imma, sew għal dawn u sew għal dawk li litteralment iħallu kollox minħabba s-sejħa tal-Mulej, ma nistgħux neħlu, la mas-suċċessi u lanqas mal-fallimenti, la mal-glorja u lanqas mal-għajb, imma jeħtieġ li, fejn qegħdin, nibqgħu mixjin, nibqgħu naqdfu, nibqgħu anke ma nsibux post komdu fil-ħajja spiritwali tagħna, sabiex kontinwament inħallu lill-Mulej jurina modi ġodda ta’ kif iridna naqduh, attitudnijiet ġodda li jeħtieġ li nħaddnu biex iktar insiru nixbhuh, kontinwament inħallu l-ħsieb u l-qalb tagħna jintgħaġnu sabiex insiru dejjem iktar nixbhu lilu.
Mill-banda l-oħra, lanqas ma jfisser li m’hemmx mistrieħ. Ma jfissirx li m’hemmx wisa’ għal intimità, mhux biss fiżika imma wkoll spiritwali ma’ Alla u ma’ dawk li magħhom qed nagħmlu mixja ta’ fidi. Anke Kristu qatta’ ħin ta’ mistrieħ fid-dar ta’ Pietru wara l-ħidma bla nifs li wettaq matul dik il-ġurnata. Anke Kristu l-ewwel ma għamel xħin qam ma kienx li jibda bix-xogħol imma baqa’ fis-skiet fl-intimità ma’ Missieru tas-sema fit-talb. Imma quddiemna Kristu dejjem jiftaħ orizzonti ġodda biex fihom nimirħu, biex fihom niltaqgħu ma’ persuni u ċirkostanzi ġodda fejn hemm għatx li aħna għandna aħbar friska biex intaffuh: l-aħbar li aħna maħbubin minn Alla; l-aħbar li din l-imħabba tista’ tittrasformana u tista’ teħlisna, u mhux veru li, la magħmulin hekk jew għandna t-tali vizzju, allura m’hemmx triq ’il barra.
Talba
Mulej, id-dinja li ngħixu fiha minn banda tinsisti fuq il-bżonn li ninvestu jew naħsbu għall-quddiem sabiex ikollna ċerta stabbiltà u serħan il-moħħ u fl-istess waqt taqtgħalna nifisna u tippretendu li ma nieqfu qatt. F’dan kollu, agħtini l-qawwa li nilqa’ s-sejħa tiegħek sabiex ma nintrabatx, ma nistaġnax, imma nfittex intimità profonda u ġenwina miegħek u ma’ ħuti sabiex nibqa’ attent għat-toroq li ta’ kuljum tiftaħ quddiemi biex inwassal l-imħabba tiegħek.