Ġesù jisqina bl-Ilma tal-Ħajja ta’ Dejjem

It-Tielet Ħadd tar-Randan Sena A

Kolletta

O Alla, kull ħniena u tjieba ġejja minnek; inti wrejtna illi s-sawm u t-talb u l-għoti ta’ karità lill-foqra jagħtuna l-qawwa kontra d-dnub; ħares, fit-tjieba tiegħek, lejn din l-istqarrija umli ta’ ħtijietna, biex aħna, li l-kuxjenza tagħna ttaqqalna, ikollna dejjem l-għajnuna tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Agħtina ilma x’nixorbu.
Eż 17:3-7

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, il-poplu qabdu l-għatx, u gemgem kontra Mosè u qal: “Għalfejn tellajtna hawn mill-Eġittu biex toqtol lilna, lil uliedna u lill-bhejjem tagħna bil-għatx?”. Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “X’se nagħmel lil dan il-poplu? Ftit ieħor u jħaġġruni”.

Il-Mulej qal lil Mosè: “Għaddi minn quddiem il-poplu, u ħu miegħek xi wħud mix-xjuħ ta’ Iżrael. Ħu f’idejk il-ħatar li bih kont drabt ix-xmara tan-Nil, u mur. Arani, jien noqgħod hemm quddiemek, fuq il-blat f’Ħoreb; u int aħbat il-blat u toħroġ minnu l-ilma, u jixrob il-poplu”.

U Mosè għamel hekk quddiem ix-xjuħ ta’ Iżrael. U l-post semmewh Massa u Meriba, għax hemm tlewmu wlied Iżrael u ġarrbu lill-Mulej meta qalu: “Il-Mulej fostna jew le?”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 94(95):1-2,6-7,8-9

R/. (8): Illum, jekk tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom.

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena lill-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

L-Imħabba ssawbet fina permezz tal-Ispirtu mogħti lilna.
Rum 5:1-2,5-8

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna. Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ara Ġw 4:42,15

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Mulej, inti tassew is-Salvatur tad-dinja:
agħtini l-ilma tal-ħajja, biex ma jaqbadnix l-għatx.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Għajn ta’ ilma li jnixxi sal-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 4:5-42

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”. Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma”. Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn”. Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi”. Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt: ‘Ma għandix żewġi’. Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa mhuwiex żewġek. Sewwa weġibt!”. Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”.

Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh: “Xi trid?”, jew: “Għax qiegħed titkellem magħha?”. Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kulma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?”. U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!”. Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih”. Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?”. Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom”.

Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: “Qalli kulma għamilt”, tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira


Għajn ta’ ilma li jnixxi sal-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 4:5-15,19b-26,39a,40-42

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir.

U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”. Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma. Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”. Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara tant, li meta ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fiż-żminijiet bikrin tal-Knisja, dawk li kienu jitolbu li jissieħbu ma’ dawk li jemmnu kienu jgħaddu minn numru ta’ provi jew skrutinji. Fost l-oħrajn, dawk li kienu jagħmlu ċertu xogħlijiet, li mhux bilfors illum meqjusa bħala immorali, kienu jkunu mitluba li jieqfu qabel jiġu aċċettati bħala katekumeni. Dawk b’xorta ta’ xogħlijiet oħra kienu jiġu saħansitra pprojbiti milli jiġu kkunsidrati għall-katekumenat. Skrutinju ieħor kien isir fil-bidu tar-Randan ta’ qabel il-Vġili tal-Għid meta l-katekumeni jkunu se jitgħammdu. Issa mhux biss l-istat soċjali tagħhom kien ikun eżaminat imma wkoll il-progress li jkunu għamlu fl-ewwel passi tagħhom fil-komunità Nisranija. L-isqof kien jitlob lill-membri tal-komunità biex jgħarrfuh kif dawn il-katekumeni jkunu kibru fil-fidi u fil-qadi tal-aħwa fix-xhur jew snin li jkunu ilhom fil-katekumenat.

Għalkemm maż-żmien il-kriterji li fuqhom kienu jiġu eżaminati il-katekumeni tbiddlu, il-prinċipju li tiġi eżaminata l-fidi tagħhom baqa’. Mhux biss, imma l-Knisja trid li f’dan l-eżerċizzju, dawk magħżula sabiex jissieħbu mal-komunità Nisranija jingħaqdu magħhom dawk li huma diġà mgħammda. Għaldaqstant, dawn l-iskrutinji, li jsiru fit-Tielet, ir-Raba’ u l-Ħames Ħdud tar-Randan, huma għodda ta’ konverżjoni għalina lkoll għaliex jgħinuna nagħrfu kemm hi awtentika l-fidi tagħna, u allura nkunu nistgħu nirranġaw fejn ikun sejjer ħażin.

It-tema li tippreżentalna l-Liturġija llum hija dik ta’ Kristu bħala l-Ilma tal-Ħajja ta’ dejjem. Dan tagħmlu billi tipproponi s-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann fejn Ġesù jiltaqa’ mal-mara Samaritana fuq il-bir ta’ Ġakobb. Fid-djalogu bejn Ġesù u l-mara Samaritana nistgħu nosservaw xhieda ta’ konverżjoni ġenwina. Il-mara, li ma nafux isimha u allura tirrapreżenta lil kulħadd, tibda biex issejjaħ lil Ġesù bħala “Lhudi” b’mod dispreġġattiv. Ftit wara ssejjaħlu “Sinjur,” imbagħad “Profeta,” u fl-aħħar bħala l-“Messija”. Li jġegħilha tgħaddi minn din il-bidla fil-ħsieb kien l-ilma li kien lest joffrilha Ġesù. Fil-bidu ħasbet li kien qed jitkellem dwar l-ilma fiżiku iżda dlonk indunat li kien qed jgħid fuq l-ilma li jaqta’ għatx wisq iktar kiefer minn dak fiżiku: l-għatx eżistenzjali ta’ min ifittex lil xi ħadd li jaċċetah kif tassew hu. Dan hu l-għatx li kollha kemm aħna nħossuh u li Ġesù kapaċi jaqtgħalna.

Matul it-talba tal-Eżorċiżmu li jagħmel l-isqof f’dan il-Ħadd, l-element tal-ilma hu preżenti ħafna. Hu jitlob sabiex, bħal mara Samaritana, dawk magħżula biex jirċievu l-magħmudija jixxennqu għall-ilma ħaj li jrid jagħtihom Ġesù. Hu jkompli jitlob ’l Alla biex “huma jagħrfu u jistqarru li huma midinbin u dgħajfa; tħallix li t-tama tagħhom tkun fiergħa u li x-xitan iqarraq bihom; eħlishom minn kull żball, biex jagħrfu l-ħażen li għamlu u ruħhom tissaffa, u bil-grazzja tiegħek jaqbdu t-triq tas-salvazzjoni.”

Talba

Mulej, agħtini mill-ilma tiegħek ħalli ma jaqbadni qatt il-għatx. Ammen.

Iktar riżorsi fuq Ilqa’ u Ħaddan.