Għax Alla hekk ħabb lid-dinja

Solennità tat-Trinità Qaddisa Sena A

Kolletta

O Alla Missier, inti bgħatt fid-dinja l-Kelma tal-Verità u l-Ispirtu tal-Qdusija, u wrejtna l-misteru tiegħek tal-għaġeb; agħtina li nistqarru l-fidi vera billi nemmnu fit-Trinità Qaddisa, u naduraw Alla wieħed fis-setgħa u l-kobor tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Il-Mulej hu Alla li jagħder u jħenn.
Eż 34:4b-6,8-9

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Mosè qam filgħodu kmieni, u tala’ fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel. Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u fil-fedeltà”.

Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Dan 3:52,53,54,55,56

℟. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem.

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna. ℟.

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ. ℟.

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek. ℟.

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi. ℟.

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. ℟.

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. ℟.

Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu.
2 Kor 13:11-13

Għeluq tat-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom. Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Il-qaddisin kollha jsellmulkom. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Apok 1:8

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lil Alla li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.

R/. Hallelujah

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.
Ġw 3:16-18

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

L-Evanġelju li tippreżentalna l-Knisja għal dan il-Ħadd jiġbor fih il-qofol tal-festa li qegħdin niċċelebraw għax ikellimna dwar l-imħabba ta’ Alla. Tabilħaqq, it-Trinità Qaddisa fiha nnifisha hija komunjoni ta’ mħabba. Minkejja li ma nsibux il-kelma ‘Trinità’, fl-Iskrittura nsibu r-rivelazzjoni ta’ Alla bħala Ħallieq u Missier ħanin, il-Verb li sar bniedem u għammar fostna, Ġesù Kristu, l-Iben waħdieni tal-Missier Alla, u l-Ispirtu s-Santu, li fil-Kredu nistqarru li ġej mill-Missier u mill-Iben. Santu Wistin jispjegaha hekk: il-Missier li jħobb, l-Iben il-maħbub, u l-Ispirtu s-Santu huwa l-imħabba li tgħaqqadhom.

Ġesù jisħaq li l-Inkarnazzjoni tiegħu hija frott tal-imħabba li Alla għandu għall-umanità kollha. Fil-Mulej Ġesù, Alla, li huwa mħabba, resaq qrib tagħna l-bnedmin. Huwa ħabbna l-ewwel u jibqa’ jħobbna u jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna biex nilqgħuh fil-ħajja tagħna. Din l-imħabba immensa ta’ Alla, li ssalva, narawha fil-ħajja u l-mewt ta’ Ġesù fuq is-Salib għas-salvazzjoni tad-dinja kollha. Is-salvazzjoni hija miftuħa għall-bnedmin kollha, iżda biex nilqgħu l-grazzja tal-ħajja ta’ dejjem jeħtieġ li jkollna l-fidi fil-Mulej Ġesù. Il-fidi hija don ta’ Alla li nilqgħuh permezz tal-Ispirtu s-Santu li jħeġġeġ lil qlubna u jressaqna lejn Alla. Meta nilqgħu dan ir-rigal, inkunu qed nilqgħu l-grazzja tas-salvazzjoni. Min ma jemminx fil-Mulej Ġesù u l-fidwa li ġabilna, ikun qed jirrifjuta l-imħabba ta’ Alla u b’hekk iġib il-kundanna fuqu nnifsu għax jibqa’ jgħix fid-dlam, ’il bogħod mill-għajn tal-ħajja.

Kull bniedem huwa msejjaħ biex iħobb u joħroġ fid-deher ix-xbiha ta’ Alla li hemm fih. Il-qari u l-festa li qed niċċelebraw illum ifakkruna li Alla huwa mħabba u l-mod ta’ kif ngħixu jixhed kif qed inwieġbu għal din l-imħabba. Bħala Nsara li nistqarru li nemmnu fil-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, kif qed ngħixu bejnietna fil-familja, fil-komunità, fuq il-post tax-xogħol, mal-ħbieb? Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li ngħixu f’għaqda ta’ mħabba bejnietna u nkunu xhieda ħajja tal-preżenza ta’ Alla fid-dinja.

Talba

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

Il-Mulej blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi,

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi! (Salm 18, 2-3)