L-Ewwwel Ħadd il-Għid

Ġwanni 20, 1-9 

1Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.2Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”3Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. 4It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. 5Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. 6Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm,7u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. 8Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. 9Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.10Imbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.

Riflessjoni

Fir-rakkont ta’ Ġwanni, naqraw li d-difna ta’ Ġesù tagħlaq fi ġnien. Jgħidilna li f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid u li kien qrib il-post fejn kienu sallbu lil Ġesù. U proprju l-ewwel rakkont tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, skont l-istess Evanġelista, jiftaħ f’dan l-istess ġnien … quddiem l-istess qabar.

Imma issa l-qabar m’għadux ġdid, imma vojt.

Imma issa l-qabar m’għadux imbarrat bil-ġebla, imma bil-ġebla mneħħija.

Il-faxxex tal-għażel ma kinux iktar qed jaqdu dmirhom u jkebbu l-ġisem mejjet … imma kienu mpoġġija u mitwija. Anke huma kienu battala. Bħal qabar, anke huma kienu vojta.

Ġwanni ma jiqafx biss mad-deskrizzjoni tal-qabar vojt. Imur lil hinn minn hekk. Barra mill-qabar, hemm Marija ta’ Magdala. Anke hi vojta mill-ħsieb. Anke hi vojta mit-twemmin. Għax sa dakinhar kienet għadha ma fehmitx l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Tant hu hekk, illi saħansitra ħasbet li qalgħu l-Mulej mill-qabar. Ħasbet li serquh. U marret tiġri tgħid bl-aħbar lil Xmun Pietru u d-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù. 

L-Evanġelista jagħtina żewġ verbi tant sbieħ fuq dan id-dixxiplu li daħal fil-qabar wara Pietru: ra u emmen. Hu kien ġa ra lil Ġesù fuq is-salib. Hu kien ġa rah mejjet. Imma huwa proprju issa … quddiem, jew aħjar ġol-qabar vojt … li l-Evanġelista jżid dan it-tieni verb: emmen. Mhux biss ra, imma emmen. Emmen għax ġarrab il-qabar vojt. Emmen li dak li kien mejjet fuq is-salib issa huwa ħaj.

Talba:

Mulej, anke jien xi drabi nħossni vojt/a mill-fidi, mit-tama u mill-imħabba.

Anke jien, bħal Marija ta’ Magdala, nfittxek mejjet f’qabar issiġġillat. 

Anke jien, bħal Pietru u Ġwanni, niġri biex insibek. 

Għini sabiex f’dan iż-żmien tal-Għid nagħmel l-esperjenza ta’ Ġwanni: li nara u nemmen.  

Ħeġġeġ lil moħħi sabiex jara lilek rebbieħ fl-affarijiet ordinarji ta’ kuljum.

Ħeġġeġ lil qalbi sabiex temmen li Inti l-Mulej.

Ħeġġeġ lil ruħi sabiex iġġarrbek ġol-qabar vojt. 

Ammen.