Ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar

Is-Sbatax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Kolletta

O Alla, li tħares lil min jittama fik, mingħajrek xejn ma jiswa, xejn ma hu qaddis; kattar fuqna l-ħniena tiegħek, u kun int li taħkem fuqna u tmexxina, ħalli ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi hekk li nagħrfu norbtu ruħna minn issa mal-ġid li jibqa’ għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

Jieklu, u jibqgħalhom iż-żejjed.
2 Slat 4:42-44

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, ġie għand Eliżew raġel minn Bagħal-Salisa, u ġieb lir-raġel ta’ Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża tax-xgħir, u sbul mimli qamħ ġdid. Eliżew qallu: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu”. Imma l-qaddej tiegħu wieġeb: “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?”. Raġa’ qallu Eliżew: “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: ‘Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll’”. Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal minnhom, bħalma qal il-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 144(145):10-11,15-16,17-18

R/. (ara 16): Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina.

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,
u inti tagħtihom l-ikel f’waqtu.
Int tiftaħ idek,
u xxabba’ ’l kulħadd bil-ġid. R/.

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/

Ġisem wieħed, Mulej wieħed, magħmudija waħda.
Efes 4:1-6

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Lq 7:16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah

Qassam, u kulħadd ħa kemm ried.
Ġw 6:1-15

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.

Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”.

Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Il-Evanġelju jibda billi jgħidilna li ħafna nies marru wara Ġesù għax raw is-sinjali (mirakli) ta’ fejqan tal-morda.

Ġesù kien jaf x’kien qed jimmotivahom. Ma kienx indifferenti għal ħtiġijiet tagħhom: refa’ għajnejh, lemaħhom u ried jitmagħhom. Hu jdur fuq id-dixxipli biex jaqsmu miegħu dan it-tħassib anke jekk kien qed jippruvahom.

Filippu jagħmel il-kalkoli u jħoss il-qtigħ ta’ qalb.

Indrì jsib soluzzjoni żgħira: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet għal 5000 raġel! Iżda dan ukoll jittieħed minn Filippu u beda jaqta’ qalbu.

Ġesù jara x’hemm f’qalb il-kotra u f’qalb id-dixxipli tiegħu.

Ma’ Ġesù nirrevedi xi deċiżjonijiet għamilt u s-soluzzjonijiet li sibt reċentement, u nħallih jara x’kien dak li mmotivani. Nitkellem miegħu dwar dak li qalbi kienet qed tfittex.

Jien naf x’qed infittex?

Kont bħal Filippu, nitħasseb

Bhal Indrì, ninduna b’soluzzjoni żgħira?

Ġarrabt qtigħ ta’ qalb?

Il-ġest Ewkaristiku ta’ Ġesù li radd il-ħajr lil Alla kien għajn ta’ serħan mit-thewdin u qtigħ il-qalb tad-dixxipli u xabba’ bih lil kotra ta’ 5000 raġel u fadal 12-il qoffa loqom!

Imxabbgħa, il-kotra tara soluzzjoni politika f’Ġesù. Trid tagħmlu sultan.

Iżda Ġesù jirtira waħdu fuq l-għolja. San Ġwann jgħidilna li b’dan l-aġir u f’dan il-post Ġesù jmur jitlob.

Ogħqod ma’ Ġesù, Hu u jitlob. Innota l-għażla tiegħu li ma jkunx is-sultan kif ried l-poplu. Ġesù ried li jkun waħdu mal-Missier. Hu jagħżel relazzjoni minflok iħalli l-kurrent tan-nies ikaxxkru. Poġġa l-identità u r-rieda tal-Missier qabel il-popolarità.

Talba

Mulej, kun ħdejja fil-qtigħ il-qalb.

Kun ħdejja fis-soluzzjonijiet żgħar tiegħi quddiem ir-rieda tiegħek għalija.

Għallimni rrodd il-ħajr f’kull ċirkostanza ta’ ħajti.

Agħtini l-grazzja biex kif ixabbagħni nieħu ħsieb niġbor il-loqom li jifdal bħala prova tal-abbundanza tal-imhħabba tiegħek għalija.

Ħallini niġi warajk fuq l-għolja tat-talb ħalli, flimkien miegħek, infittex ir-relazzjoni mal-Missier u naħrab il-kurrenti u l-popolarità.

Ammen.