Ħejju t-triq!

It-Tieni Ħadd tal-AvventSena B

Kolletta

O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu mal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Ħejju t-triq għall-Mulej.
Iż 40:1-5,9-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi
– jgħid Alla tagħkom.
Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha
li ntemm il-jasar tagħha,
tħallset ħżunitha,
ħadet mingħand il-Mulej
darbtejn għal dnubietha kollha”.

Leħen jgħajjat:
“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,
wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
Jintradam kull wied,
u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;
kull art imħattba titwitta,
kull art imħarbta ssir maqgħad.
U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,
għax fomm il-Mulej tkellem”.

Itla’ fuq il-muntanja għolja,
int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;
għolli leħnek bil-qawwa kollha,
int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;
għajjat, la tibżax.

Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:
“Hawn hu Alla tagħkom!
Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,
u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.
Hawn hu bi ħlasu miegħu,
u r-rebħa tiegħu quddiemu.
Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
bi driegħu jiġmagħha,
u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 84 (85):8-9ab,10-14

R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

Nistennew li jiġu smewwiet ġodda u art ġdida.
2 Piet 3:8-14

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Ħuti għeżież, dan għandkom tkunu tafu: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma, li kulħadd jersaq għall-indiema.

Jasal, tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kulma fiha tkun maħruqa min-nar.

Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta’ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar. Imma aħna, skont il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.

Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 3:4,6

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
R/. Hallelujah

Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Mk 1:1-8

Bidu tal-Evanġelju skont San Mark

Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Iżaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

F’dan it-Tieni Ħadd tal-Avvent, il-Knisja tħabbrilna: “Il-Bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla” (v. 1). Tajjeb għalhekk nieqfu ftit u nirriflettu: xi tfisser għalina din l-aħbar tajba ta’ Ġesù Kristu? Xi jfisser għalina li Alla jħobbna tant li bagħtilna ’l Ibnu l-għażiż biex itemm il-jasar tagħna u jagħtina l-ħajja bil-kotra?  

L-Evanġelju jkompli billi jlaqqagħna ma’ Ġwanni l-Battista, l-aħħar u l-akbar profeta, mibgħut minn Alla biex iħejji qlub il-poplu għall-miġja tal-Mulej. Ġwanni kien iħeġġeġ lin-nies biex jindmu u jibdlu ħajjithom. Il-poplu kellu għatx kbir għal messaġġ ta’ tama, għal dak li jagħtih sens u skop fil-ħajja, għal dak li hu essenzjali. Il-poplu, tant kien għatxan għal Alla, li għand Ġwanni kienet tmur “il-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm” (v. 5).  

Wieħed jista’ jistaqsi: imma x’raw in-nies fi Ġwanni biex kienu jmorru bi ħġarhom, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom? Kif ngħidu, l-eżempju jkaxkar, u Ġwanni kien jiġbed lin-nies warajh bix-xhieda ta’ ħajtu. L-Evanġelista jgħidilna li Ġwanni kien jgħix ħajja sempliċi, fis-solitudni tad-deżert, fejn wieħed jiġi mġarrab, ippruvat, u ppurifikat. Fis-skiet tad-deżert, maqtugħ mill-ispirtu tad-dinja u mid-distrazzjonijiet li toffri, Ġwanni kien dispost li jisma’ leħen il-Mulej u jilqa’ l-missjoni profetika. Bir-relazzjoni profonda li kellu ma’ Alla, u bi spirtu ta’ umiltà, Ġwanni seta’ jagħraf li hu kien biss strument magħżul minn Alla, dak il-leħen jgħajjat fid-deżert biex iħejji qlub il-bnedmin biex jilqgħu lil Ġesù Kristu, il-veru Salvatur.   Illum ukoll, fid-dinja li qed ngħixu fiha, hawn għatx kbir għal messaġġ ta’ tama, għal sens u skop fil-ħajja, għall-ferħ ġenwin, għall-paċi, u għall-ħajja dejjiema li jagħtina biss il-Mulej Ġesù. Ejjew nimpenjaw ruħna matul dan l-Avvent biex bħal Ġwanni aħna wkoll nilqgħu l-missjoni profetika li tagħtina l-Magħmudija billi nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, inxandruha, u nagħtu xhieda tagħha fid-dinja. Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li nkunu dak il-leħen jgħajjat fid-deżert, sabiex bix-xhieda tagħna rressqu oħrajn lejn il-Mulej Ġesù u nagħtuhom l-isbaħ rigal dan il-Milied.  

Talba

Niftaħ fommi biex inxandar kliem l-għerf;  

nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija mill-qedem.  

Dak li smajna u tgħallimna,  

dak li qalulna missirijietna,  

aħna ma naħbuhx lil uliedhom,  

iżda nxandruh lin-nisel ta’ warajhom:  

tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu,  

u l-għeġubijiet li għamel.

(Salm 78, 2-4)