ħenn għalija, għax jien midneb!

It-Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, kattar fina l-fidi, it-tama u l-imħabba, u agħmel li nħobbu l-kmandamenti tiegħek biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

It-talba tal-umli tinfed is-sħab.
Sir 35:12-14,16-18

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Il-Mulej hu mħallef,
u ma jħarisx lejn l-uċuħ.
Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun b’dannu tal-fqir,
u jagħti widen għat-talba tal-magħkus.
Ma jagħlaqx widnejh għat-talba bil-ħniena tal-iltim,
jew tal-armla li tibki xortiha.
Min jaqdi mill-qalb lil Alla jintlaqa’,
u t-talba tiegħu titla’ m’ogħla s-sħab.
It-talba tal-umli tinfed is-sħab,
u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib il-Mulej,
u ma tiqafx qabel ma l-Għoli jagħti widen,
u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 33:2-3,17-18,19,23

R/.(7a): Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu.

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. R/.

Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.

Hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja.
2 Tim 4:6-8,16-18

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu. Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom! Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem! Amen.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 5:19

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R. Hallelujah.

Il-pubblikan niżel id-dar iġġustifikat.
Lq 18:9-14

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal’. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Ġesù jindirizza l-parabbola tal-Evanġelju tal-lum lil dawk li kienu jafdaw fihom infushom, li kellhom stima għolja tagħhom infushom filwaqt li jbaxxu lill-oħrajn. Biex joħroġ it-tagħlim tiegħu, Ġesù jagħmel diversi kuntrasti qawwija bħal “telgħu fit-tempju” u “niżel id-dar,” “talab f’qalbu” u ”jħabbat fuq sidru u jgħid,” “jitkabbar u jiċċekken.”  Imma l-iktar kuntrast importanti huwa dak bejn id-dispożizzjoni tal-qalb tal-Fariżew u dik tal-Pubblikan.

Il-pubblikani kienu meqjusa bħala midinbin. Mibgħuda mill-poplu għax kienu jiġbru t-taxxi għar-Rumani, kienu wkoll meqjusa li kienu jqarrqu fil-flus. Fl-istess ħin, il-pubblikan tal-parrabbola kien jagħraf l-istat tiegħu ta’ midneb, jitlob b’umiltà, għajnejh lejn l-art quddiem il-majesta ta’ Alla, u niedem iħabbat fuq sidru biex jitlob il-ħniena minħabba dnubietu.

Min-naħa l-oħra, il-Fariżew kien josserva l-liġijiet—anzi jagħmel aktar milli kien mitlub mil-liġi— u kien jaqdi l-obbligi ċiviċi tiegħu. L-iżball tal-Fariżew ma kienx dan it-tajjeb li kien jagħmel, imma għax mit-talba tiegħu kien hemm nieqsa l-umiltà u l-imħabba lejn il-proxxmu. Sejjes il-pretensjoni għall-qdusija mhux fuq il-konverżjoni umli u sogħbiena imma fuq l-għemejjel tiegħu. Kien mimli bih innifsu u jqis lilu nnifsu raġel qaddis minħabba l-opri li kienu jarawh jagħmel l-oħrajn. Iżda ftit kellu mħabba vera, ġejja mill-qalb, lejn Alla u lejn il-proxxmu.

Din l-imġiba tal-‘bniedem ta’ Alla’ tikkuntrasta mal-mod li bih Alla jimxi magħna: mhux biss ma jeskludiniex minħabba dnubietna, talli jħares bi mħabba kbira anke lejn xrara tat-tajjeb li jista’ jkun hemm ġo fina. U din il-ftit tjubija ta’ ġo fina mhix ġejja mill-ħila tagħna imma bil-grazzja tiegħu. U allura, kif il-ħniena ta’ Alla tasal għandna, hekk ukoll trid tasal għand l-oħrajn permezz tagħna.

Aħna meta nersqu quddiem Alla, l-attitudni tagħna kif inhi? L-imġiba tagħna mal-oħrajn hija dik li jixtieq minna Alla? Għalina, min huma n-nies tajbin u n-nies ħżiena? Kif inġibu ruħna ma’ dawk li mhumiex fiċ-ċirku tagħna? Nippruvaw nersqu lejhom jew naħarbuhom? Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li rridu nagħmlu lilna nfusna fid-dawl tal-imġiba ta’ Alla magħna u t-tagħlim u l-eżempji li tana f’ħajtu Ġesù Kristu.

Jekk, bil-grazzja ta’ Alla, hemm ġo fina din ix-xrara ta’ tjubija, b’umiltà u sinċerità rridu naraw jekk hijiex dik it-tjubija li tista’ tiġġustifikana—tagħmilna ġusti. Min hu ġust tassew quddiem Alla jara li jimxi mal-proxxmu bl-istess tjieba u ħniena li Alla juri magħna. Hu jagħdirna fid-dgħufija tagħna, u hekk irridu nagħmlu aħna wkoll. Qabel niġġudikaw u nitkażaw bl-oħrajn, tajjeb nieqfu ftit u nistaqsu lilna nfusna forsi x’konna nagħmlu aħna li kieku kellna nsibu ruħna fl-istess ċirkustanzi.

Talba

Sinjur Alla, jien nixtieq nistma b’rispett lill-oħrajn. Indukrani minn kull ġibda għall-istima u għat-tifħir. Ħarisni kontra l-attenzjoni u l-ammirazzjoni tal-oħrajn lejja. Fakkarni f’xi żelqa f’ħajti l-imgħoddija, u li “ħadd ma jista’ jkollu raġun li jintefaħ, għax kollox hu minn Alla, permezz ta’ Alla u kollox għal Alla” (San Ġorġ Preca).

Ħa ntennilek ta’ spiss: “O Alla ħenn għalija, midneb.”