Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex

Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

Ħenn għalina, Mulej, qaddejja tiegħek, u kollok tjieba kattar fuqna d-doni tal-grazzja tiegħek, biex nitħeġġu fit-tama, fil-fidi u fl-imħabba u nishru dejjem sal-aħħar fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek.
Ġen 18:1-10a

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, il-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta’ Mamri; u hu kien fil-bieb tal-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. U rafa’ għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. U qal: “Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż, biex titrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin – għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom”. U huma qalulu: “Tajjeb, agħmel kif għedt”.

U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: “Fittex lesti tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar”. U Abraham mar jiġri ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex ilestih. U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom quddiemhom. U hu baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu. U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?”. U hu weġibhom: “Hemm fl-għarix”. U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 14(15):2-3ab,3ċd-4ab,5

R/.(1a): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu. R/.

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

Marta laqgħetu għandha. Marija għażlet l-aħjar sehem.
Lq 10:38-42

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

L-episodju tal-lum insibuh biss fl-Evanġelju skont San Luqa. Ipenġilna lil Ġesù fi triqtu lejn Ġerusalemm. Iżda minkejja li Ġesù jinsab miexi lejn Ġerusalemm, f’dan ir-rakkont insibuh madwar mejda: dik fid-dar ta’ Marta u Marija. Mill-Evanġelju skont San Ġwann, nafu li dawn iż-żewġt aħwa kienu ħut Lazzru u kienu joqogħdu Betanja. Ġesù mela jippreżenta lilu nnifsu bħala pellegrin li għandu bżonn l-ospitalità. Kif nafu tajjeb, iż-żewġ aħwa laqgħuh b’mod differenti lil Ġesù: Marta kien moħħha li tlestilu x’jiekol u allura ma telqitx minn idha sabiex tipprepara kollox, filwaqt li Marija kien iktar moħħha li tieqaf u toqgħod tisimgħu.

Interessanti naħsbu ftit fuq dan il-kuntrast bejn iż-żewġt aħwa. Marta baqgħet titratta lil Ġesù bħala l-mistieden (the guest) … tant hu hekk li bdiet tagħmel mill-aħjar li tista’ għall-preparamenti tal-ikla. Mill-banda l-oħra, Marija trattat lil Ġesù bħala dak li jistiednek (the host) … tant hu hekk li telqet kollox minn idha, niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej u qagħdet tisma’ x’kien qiegħed jgħid. Avolja aħwa, ma kellhomx l-istess prijoritajiet. U Ġesù jfaħħar l-għażla ta’ Marija għax huwa s-sehem “li ma jitteħdilhiex.”

Din hi l-ospitalità li jixtieq minni Ġesù: mhux li moħħni biex nagħmillu xi ħaġa … imma li nħallih jagħmel minni xi ħaġa Hu.

Talba

Mulej, nistqarr li permezz ta’ dan ir-rakkont nisimgħek iċċanfarni għax mhux l-ewwel darba li nsib lili nnifsi medhija nhewden u ninkwieta fuq ħafna ħwejjeġ. Għallimni nitlaq kollox minn idi u niġi f’riġlejk nisimgħek. Inti taf iktar minni x’inhu l-ġuħ tiegħi.

Għinni nagħraf li, meta npoġġi fuq l-istess mejda tiegħek, huwa Inti s-Sid li stedintni u mhux bil-kontra. Għalhekk, il-prijoritajiet tiegħi m’għandhomx ikunu li nagħmillek xi ħaġa imma pjuttost li nħallik tagħmel minni dak li jogħġbok.

Għax jien nixtieq nagħżel is-sehem li ma jitteħidlix … sabiex meta jkun il-waqt, nieħu posti miegħek madwar il-mejda tal-Festa tas-Sema.