Hienja dik li emmnet

L-Imqaddsa Marija Mtellgħa s-Sema Solennità

Kolletta

O Alla, ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem, lill-Verġni bla tebgħa Marija, Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi

Infetaħ it-Tempju ta’ Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-arka tal-patt tiegħu fit-Tempju tiegħu. U deher sinjal kbir fis-sema: mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles.

Imbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir minn lewn in-nar, b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ djademi fuq irjusu. U b’denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-mara li kienet sa tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-Mara ħarbet fid-deżert. U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: “Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u s-setgħa tal-Messija tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

44: 10bc.11-12ab.16

R/. F’lemintek is-Sultan, fid-dawl tal-glorja!

Ulied is-sultan jiġu jilqgħuk,
f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’ Ofir.
Isma’, binti, ħares u agħti widen,
insa ’l niesek u ’l dar missierek. R/.

Jixxennaq is-sultan għal ġmielek;
u għax hu sidek, agħtih qima.
Ix-xebbiet jiġu b’għana ta’ ferħ u għajjat,
jidħlu fil-palazz tas-sultan. R/.

1 Kor 15: 20-26

Ħuti: Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li raqdu. Għaliex jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu: l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, meta jerġa’ jiġi. Imbagħad it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan “sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.” L-aħħar għadu li jinqered il-Mewt.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
ara Lq 11:28

R/. Hallelujah
Marija ttellgħet fis-sema; jifirħu l-qtajja’ tal-anġli.
R/. Hallelujah

Hienja dik li emmnet
Lq 1:39-56

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”

Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed ’il missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Ir-rakkont taż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta jippreżentalna laqgħa bejn żewġ ommijiet… laqgħa bejn żewġ nisa tqal. It-tnejn li huma jlissnu tifħir minn fommhom: Eliżabetta tfaħħar lil Marija filwaqt li Marija tfaħħar lil Alla. Dan ir-rakkont jista’ jinqasam f’żewġ partijiet prinċipali u konklużjoni.

– Fl-ewwel parti (versi 39-45) naraw lil Marija (li permezz tal-anġlu Gabrijel għadha kif saret taf li kemm hi u kemm il-qariba tagħha Eliżabetta qed iġorru iben fil-ġuf) iżżur lil Eliżabetta u din tal-aħħar tagħrafha bħala “Omm il-Mulej tagħha.”
– Fit-tieni parti (versi 46-55) insibu r-reazzjoni ta’ Marija għal dak li qaltilha Eliżabetta u għal dak li għamel magħha Alla, “is-Salvatur” tagħha. Din it-tieni parti nafuha aħjar bħala “l-Kantiku ta’ Marija,” jew “Magnificat.”
– Fl-aħħar vers (vers 56) insibu l-konklużjoni, fejn Luqa jippreżentalna lil Marija bħala qaddejja.

Fir-riflessjoni tagħna ser nieqfu biss fuq l-ewwel parti, jew aħjar fuq iż-żewġ stqarrijiet li tnissel Eliżabetta fuq Marija: l-ewwel barka u mbagħad beatitudni.  L-ewwel stqarrija ta’ Eliżabetta hija familjari għax hija l-istess stqarrija li aħna ngħidu fis-Sliema: “Imbierka (eulogēmenē) inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” Eliżabetta tirrikonoxxi l-grazzja ta’ Alla fuq Marija. Imma l-Evanġelista San Luqa jenfasizza, b’mod sabiħ ħafna, li l-preġju ta’ Marija mhux il-fatt li hi omm il-Mulej! Il-preġju per eċċellenza ta’ Marija nsibuh fit-tieni stqarrija fuq fomm Eliżabetta: “Iva, hienja (makaria) dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!” Luqa ma jużax l-istess aġġettiv, u dan ma jagħmlux b’kumbinazzjoni. Marija hija mimlija bil-hena minħabba l-fidi tagħha. L-ewwel aġġettiv (imbierka) jintuża għall-maternità tagħha … xi ħaġa li ġejja minn fuq, mingħand Alla. It-tieni aġġettiv, li huwa iktar b’saħħtu (hienja), ma jintużax minħabba dak li hi … imma minħabba dak li emmnet. Il-preġju ta’ Marija mhux qiegħed fiċ-ċirkustanza tagħha (omm il-Mulej) imma fl-attitudni tagħha (semgħet, emmnet u għexet). Marija hija hienja għax emmnet li hija mbierka.

Talba

Ġesù, darba Inti kkoreġejt waħda mara li minn qalb il-folla għolliet leħinha u qaltlek, “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” Iżda Inti weġibtha li huma “aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11, 27-28).

Grazzi, għax bħal ommok Marija jiena mbierka. Għax il-barka ġejja minn fuq, mingħandek. Inti tixħet il-barka tiegħek … Inti tixħet għajnejk fuq kulħadd, anke fuqi. Anke miegħi Inti għamilt ħwejjeġ kbar.

Bħal ommok Marija nixtieq inkun hienja. Għax l-hena mhux ġej minn fuq. L-hena ġej proprju mill-attitudni tiegħi għal dak li ġej minn fuq. L-hena huwa riżultat tar-risposta tiegħi lilek.

Nitolbok, Mulej, ħu ħsiebi u ifrex il-ħniena tiegħek fuqi ħalli bħal ommok Marija b’ħajti nistqarr, “Ara, jiena l-qaddejja tiegħek: ħa jsir minni skond kelmtek!”

Ammen.