Ħobbu lill-għedewwa tagħkom

Is-Seba’ Ħadd Matul is-Sena A

Kolletta

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li naħsbu dejjem fis-sewwa, u li, bil-kliem u l-għemil, nagħmlu dak li jogħġob lilek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
Lev 19:1-2,17-18

Qari mill-Ktieb tal-Levitku
Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Għid lill-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael: ‘Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.

La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.
La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 102(103):1-2,3-4,8,10,12-13

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u bil-ħniena. R/.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.

Daqskemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu. R/.

Kollox tagħkom; u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.
1 Kor 3:16-23

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom. Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: “Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”; u terġa’: “Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet tal-għorrief”.

Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin, għax kollox hu tagħkom: sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt, sew jekk iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Ġw 2:5

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Kull min iżomm il-kelma ta’ Kristu,
fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.
R. Hallelujah.

Ħobbu lill-għedewwa tagħkom.
Mt 5:38-48

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi, jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

Smajtu xi ntqal: ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek’. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Bħalma smajna l-Ħadd li għadda, illum Ġesù jkompli l-aħħar parti tal-litanija ta’ kmandamenti li hu jixtieq iwassalhom għall-milja tagħhom, jgħollihom għal livell ogħla. Mhux għax tal-ġimgħa l-oħra ma kinux hekk—meta qalilna biex ma noqtlux bi lsienna, ma nagħmlux adulterju lanqas f’qalbna, u biex inkunu fidili lejn Alla mingħajr il-ħtieġa ta’ wegħdiet u ġuramenti—imma tal-lum huma iktar iffukati direttament fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ ħutna ta’ madwarna.

Għalkemm “Għajn b’għajn u sinna b’sinna” kien diġà progress kbir għal-liġi tal-ġungla li kien hemm issaltan fost il-bnedmin fejn tidħol tpattija, Ġesù jrid jerfagħna ’l fuq hekk li ma nħallux l-inġustizzji ta’ madwarna, jew dawk li nsofru aħna stess, iwaqqfuna milli nagħmlu dak li hu sewwa u nagħżlu t-tajjeb; ma jridniex naqgħu għall-istess livell ta’ min jagħżel il-ħażin biex jikseb li jrid. Ovvjament, din tmur kontra l-istint naturali tat-tpattija, imma flok nitbaxxew lejn dak li għandu mill-bhejjem fina, Ġesù jrid jerfagħna għal dak li jixbah iktar lil Alla fina.

U allura tiġi waħedha li Ġesù ma jikkuntentax sempliċiment b’“Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek” għax Alla mhux hekk iġib ruħu magħna meta ma jagħmilx distinzjoni fit-tqassim tad-doni u l-grazzji tiegħu bejn il-ħżiena u t-tajbin għax il-bnedmin kollha huma ħlejjaq tiegħu u fuq kollha kemm huma jixħet id-dawl tiegħu u jniżżel ix-xita tal-grazzja tiegħu fuq il-ħżiena flok bil-fiduċja li huma wkoll xi darba kapaċi jsiru tajbin.

Ikollna nammettu li meta jgħidilna, “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet,” Ġesù qed jitlob xi ħaġa tassew kbira minna. Il-kejl mhuwiex ‘kun tajjeb bħalma huma tajbin dak it-tali jew dik it-talija’ imma ‘aqdef sabiex tkun tajjeb bħalma hu tajjeb Alla li x-xbieha tiegħu hija minquxa fik.’ Ma nistgħux nieqfu biss ma’ relazzjonijiet reċiproċi, nagħtik biex tagħtini, naqdik biex meta jkolli bżonnok taqdini int għax tħossok obbligat.

U biex tkun taf fejn tinsab f’din il-biċċa tax-xogħol, Ġesù jagħtina kejl tassew sempliċi imma li jitkellem b’mod qawwi fuq l-attitudni tagħna: “jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan?” Lil min issellem inti? Lil min deċiż li ma tridx issellimlu? Lil min iddeċidejt li “saħħa” u “bonġu” biss u xejn iktar? Għax, tassew, anke din l-umanità bażika li ssellem qegħdin nitilfu, b’mod partikolari filgħodu meta konna mdorrijin ngħidu “Bonġu” anke lil min ma nafuhx minn Adam. Qed tintilef l-umanità bażika li tagħmilna kapaċi nirrelataw wiċċ imb wiċċ, bħala bnedmin u mhux bħala magni.

Talba

Mulej, il-perfezzjoni li titlob minna, wara kollox, hija l-perfezzjoni tal-umanità tagħna. Għalkemm insibuha diffiċli u titlob sforz għax tpoġġina f’kunflitt kontinwu mal-istint tagħna, Mulej, agħtina l-qawwa meħtieġa sabiex il-mira tagħna tkun li nħallu tidher ix-xbieha tiegħek fina sabiex hekk inwasslu lil oħrajn biex huma wkoll jagħrfu din ix-xbieha tiegħek fihom u jħalluha tiddi, u hekk inkunu ilkoll iktar perfetti, nixbhu lil Alla, billi nkunu iktar umani. Ammen.​