Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi

Ħadd il-Għid
Solennità 

Kolletta

O Alla, illum, b’Ibnek il-waħdieni, il-mewt ġiet megħluba, u int ftaħtilna l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem: agħtina li, aħna u niċċelebraw il-festa solenni tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, niġġeddu bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u nqumu għad-dawl tal-ħajja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

Ammen.

Aħna kilna u xrobna miegħu wara li qam mill-imwiet.
Atti 10, 34a.37-43

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. U aħna xhud ta’ dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi dendluh mal-għuda tas-salib; imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla’ l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta’ ismu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 117 (118), 1-2.16ab-17. 22-23

R/. (24): Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah
Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn qiegħed Kristu.
Kol 3, 1-4

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

jew

Tnaddfu mill-ħmira l-qadima, ħa tkunu għaġna ġdida.
1 Kor 5, 6b-8

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul! Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Sekwenza
Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù raġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.

F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.

“Għidilna, Marija, ħabbrilna:
fit-triq lil min rajt?”
“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, il-liżar.

Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh”.
O, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!

Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Ammen! Hallelujah!

Victimae paschali laudes
immolent christiani.
Agnus redemit oves:
Christus innocens
Patri reconciliavit peccatores.

Mors et vita
duello conflixere mirando:
dux vitae mortuus,
regnat vivus.

Dic nobis, Maria,
quid vidisti in via?
Sepulcrum Christi viventis:
et gloriam vidi resurgentis.

Angelicos testes,
sudarium et vestes.
Surrexit Christus spes mea:
praecedet suos in Galilaeam.

Scimus Christum
surrexisse a mortuis vere:
tu nobis, victor Rex,
miserere.
Amen. Alleluia.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara 1 Kor 5, 7b-8a

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu mela festa fil-Mulej.

R/. Hallelujah

Kristu kellu jqum mill-imwiet.
Ġw 20, 1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.

Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.

Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

“Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet” (v. 9), hekk jgħidilna l-Evanġelista. Il-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt huwa l-pedament tal-fidi u tal-ħajja nisranija, u għalhekk illum qegħdin nifirħu għaliex Kristu rebaħ fuq id-dnub u l-mewt. 

Il-passjoni u l-mewt tal-Mulej Ġesù fuq is-Salib tefgħu lid-dixxipli fid-dlam, b’qalbhom imnikkta. Marija ta’ Magdala kienet baqgħet ma’ Ġesù taħt is-salib sal-aħħar, sa ma kollox kien mitmum. Hija kienet għadha fid-dlam tat-telfa, meta mqanqla mill-imħabba li kellha għall-Mulej hija marret waħedha ħdejn il-qabar fejn kienu difnuh u rat dak li ma stennitx, “il-blata mneħħija mill-qabar” (v. 1). L-ewwel ħaġa li ġietha f’moħħha kienet li kienu ħadulhom il-katavru ta’ Ġesù mill-qabar u issa ma kienux jafu fejn jinsab. Min jaf kemm xtaqet baqgħet għassa mal-qabar. Kriżi fuq kriżi. Mhux ta’ b’xejn li hija telqet tiġri, b’qalbha mnikkta u mtaqqla, biex tagħti l-aħbar lil Pietru u lid-dixxiplu l-maħbub li, għall-kliem ta’ Marija, huma wkoll ġrew flimkien lejn il-qabar. L-imħabba tagħhom għall-Mulej Ġesù qanqlet fihom sens ta’ urġenza biex joħorġu minn fejn kienu u jmorru huma wkoll ħdejn il-qabar fejn kienu difnu lil Ġesù. 

Huma sabu l-qabar vojt għajr għall-faxex u l-maktur li kienu jixhdu li ħadd ma kien daħal fil-qabar bis-serqa biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. L-Evanġelista jgħidilna li meta d-dixxiplu l-maħbub daħal fil-qabar, “ra, u emmen” (v. 8). Wara d-dlam tal-mewt feġġ id-dawl tal-qawmien. Il-qabar vojt kebbes qalb id-dixxiplu bl-imħabba u wasslu biex jara bl-għajnejn tal-fidi u jemmen fil-qawmien tal-Mulej mill-imwiet. 

Forsi aktar faċli għalina norbtu s-Salib ta’ Kristu mal-imħabba ta’ Alla għalina milli l-Qawmien tiegħu mill-imwiet. X’valur għandu l-Qawmien ta’ Kristu fil-ħajja tagħna? Konxji li, kull min jirċievi s-sagrament tal-Magħmudija, imut ma’ Kristu biex ikollu sehem miegħu fil-Qawmien tiegħu għall-ħajja? 

Talba

Alla tiegħi int, jien niżżik ħajr; 

Alla tiegħi, jien lilek inkabbar. 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb, 

Għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!

Salm 118, 28-29