Id-dawl tad-dinja

Il-Ħames Ħadd matul is-Sena A

Kolletta

Fi tjubitek, Mulej, ħares dejjem il-familja tiegħek, u kun int l-għajnuna u l-qawwa tagħha, għax hi ma għandhiex tama oħra ħlief il-grazzja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ammen.

Ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek.
Iż 58:7-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Mhux dan is-sawm li jiena rrid,
li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ,
u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf?
Mhux li tlibbes lil min tara għarwien,
u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?

Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,
u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.
Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek,
u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;
jekk tgħajjatlu, jgħidlek: ‘Hawn jien!’.
Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,
ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek,
jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,
u xxabba’ qalb l-imnikket,
imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,
u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 111(112):4-5,6-7,8a,9

R/. (4a): Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin.

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;
twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.
Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,
li jmexxi ħwejġu bir-reqqa. R/.

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;
għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu.
Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina;
qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej. R/.

Qalbu qawwija, m’għandux mniex jibża’.
Iqassam u jagħti lill-foqra;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;
rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.

Ħabbartilkom ix-xhieda ta’ Kristu msallab.
1 Kor 2:1-5

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab. Jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbażża’ u mriegħed. Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 8:12

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R. Hallelujah.

Intom id-dawl tad-dinja.
Mt 5:13-16

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

“Mhux dan is-sawm li jiena rrid, li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?”

Nistgħu ngħidu li l-problemi soċjali fi żmien il-Profeta Isaija għadhom magħna sal-lum, fl-2023. Għal min bħali jaħdem fil-qasam soċjali, dawn imisshom b’idejha ta’ kuljum. Iva, minkejja l-ekonomija prospera li ngħidu li jgawdi pajjiżna, xorta waħda fadal sitwazzjonijiet soċjali simili ta’ żmien it-Testment il-Qadim.

Kemm hi relevanti l-Iskrittura! Kemm hu żbaljajt min jgħid li dan kliem il-qedem u mhux taż-żmien modern li ngħixu fih!

Il-profeta ikompli jħeġġiġna biex, quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn, ma nibqgħux indifferenti iżda nxammru l-kmiem, inħammġu jdejna u naraw lil min, fejn u kif nistgħu ngħinu.

Meta jien jimpurtani minn min hu fil-bzonn, ‘malajr tagħlaqli l-gerħa’ tal-egoiżmu tiegħi, il-Jien tiegħi.

Quddiemi timxi l-ġustizzja ta’ Alla li tiftaħli għajnejja u tibdilli l-perċezzjoni żbaljata li għandi dwar persuni li jkunu fil-bżonn. L-azzjonijiet tajbin u konkretti tiegħi jwasslu biex dawk li jirċevuhom jagħtu glorja lill-Mulej, talli jkun missli qalbi biex ma nibqax indifferenti għall-karba tagħhom.

Fis-Salm 111 (112) nitolbu: “Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef, li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.” Reqqa li ma naqax fit-tentazzjoni li nħaxxen buti biss iżda li nkun medhi biex nara li min hu fil-bżonn ikollu l-essenzjal u aktar.

Fis-salm nitolbu: “Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel … Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina.” Dak li l-aktar ifixkel il-bniedem hu meta jinjora lil dawk li jinsabu fix-xifer tas-soċjetà waqt li hu jgħix fl-iżolament tal-comfort zone tiegħu.

Fis-salm nitolbu: “qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej.” Alla li hu l-għajn ta’ kull ġid spiritwali u materjali, jikkunslana kull darba li jarana niftħu qalbna u jdejna ma’ min jieħu s-sura tiegħu  fil-batut.

San Pawl lil Korintin
Din l-istess “qawwa ta’ Alla” jitkellem dwarha San Pawl mal-Korintin fit-Tieni Qari. U x’inhi l-qawwa ta’ Alla jekk mhux il-bniedem li hu tant ħalaq bi mħabba jkollu d-dinjità kollha li tixraqlu!

Ladarba nagħtu widen għal kliem il-Profeta, aħna verament insiru l-melħ tal-art li jitkellem dawru Ġesù fl-Evanġelju. Aħna nkunu d-dawl tad-dinja, il-belt fuq muntanja, u l-musbieħ jixgħel fuq l-imnara li jdawwal il-ħajja tal-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba u jagħtu glorja lill-Missier tas-Smewwiet.

Talba

Mulej, imliena b’dik il-qawwa ta’ qima lilek u mġiba mall-proxxmu li tagħmel minna tassew melħ tal-art u rifless tad-dawl tad-dinja, li hu inti. Ammen.