Il-fidwa tagħkom hi fil-qrib

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent Sena Ċ

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa.
Ġer 33:14-16

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Ara, għad jiġu jiem
– oraklu tal-Mulej –
meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda
l-ġid li wegħedthom.
F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien
intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa,
bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż.
F’dawk il-jiem Ġuda jinħeles
u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ,
u għalhekk isejħulha:
Il-Mulej is-sewwa tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 24(25):4bċ-5ab,8-9,10,14

R/. (1b):  Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej.

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà
għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu. R/.

Il-Mulej iqawwilkom qalbkom għal meta jiġi Sidna Ġesù.
1 Tess 3:12–4:2

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

Ħuti, jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu.

Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. Tafu x’tagħlim tajniekom permezz ta’ Sidna Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 84(85):8

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
R/. Hallelujah.

Il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Lq 21:25-28,34-36

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.