Il-pubblikani jaslu qabilkom fis-Saltna ta’ Alla
Is-Sitta u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A
Kolletta
O Alla, inti tagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina; xerred dejjem fuqna l-grazzja tiegħek, biex inħaffu fit-triq tal-wegħdiet tiegħek u tagħtina sehem mill-ġid tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Quddiem dan l-Evanġelju nikkonsla għax bħall-iben il-kbir l-ewwel tweġiba tiegħi għandha ħabta tkun “Le!”, imbagħad ħalli wara ħafna tgergir jerġa’ jibdieli u nagħmel dak li jkun mitlub minni. U, id-drabi li ngħid “Iva,” għid li mbagħad nispiċċa ninsa. U nimmaġina li lkoll ninqabdu f’dawn is-sitwazzjonijiet—jekk xejn, ma jistax jonqos li ngergru ftit, imqar fuq it-temp, inkella ma nkunux Maltin ta’ veru. Imma b’daqshekk m’aħniex iġġustifikati!
Intant, l-Evanġelju mhuwiex primarjament dwar liema iben hu l-aħjar, imma iktar dwar l-aħħar kelma li biha jagħlaq Ġesù meta lill-Fariżej jikkonfrontahom fuq in-nuqqas ta’ fidi tagħhom fil-possibbiltà li Alla għadu jitkellem u jwassal il-Kelma tiegħu, anke jekk permezz ta’ persuni kemxejn eċċentriċi bħalma kien Ġwanni l-Battista. U, għax jibqgħu ma jindmux u ma jikkonvertux, jibqgħu mwaħħlin mal-fehma tagħhom, għall-kuntrarju ta’ dawk li kienu iktar umli u saqajhom mal-art biex jagħrfu d-dnub tagħhom u jindmu—Ġesù jsemmi speċifikament il-pubblikani u n-nisa tat-triq, żewġ kategoriji ta’ persuni, waħda maskili u l-oħra femminili, li min-natura tal-istess impjieg jew xogħol tagħhom kienu jikklassifikaw mal-midinbin. U l-Ewwel Qari jurina s-serjetà ta’ dan il-kuntrast meta juri li l-bniedem tajjeb ma jista’ qatt jasal f’punt li jserraħ moħħu li ġabar biżżejjed punti fil-Loyalty Card u allura jista’ jintelaq, filwaqt li, fil-każ tal-bniedem midneb li jikkonverti, Alla fil-ħniena tiegħu jagħżel li ma jħarisx lejn il-passat imma jitpaxxa bit-triq it-tajba li nfetħet sabiex l-midneb isir qaddis.
Għaldaqstant, bħalma rajna fil-Liturġija tal-Kelma tal-Ħadd li għadda, is-sigriet qiegħed għal darb’oħra fil-ħtieġa li l-ħsieb tagħna u t-triq tal-ħajja tagħna ma jibqgħux jimxu skont il-moda u t-toroq tad-dinja imma jogħlew ’il fuq sabiex, kif qal San Pawl lill-Filippin fit-Tieni Qari, naslu li nibdew naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù. U kif kien jaħseb Kristu Ġesù?
San Pawl jelenka diversi aspetti tal-ħsieb ta’ Ġesù. L-ewwel nett San Pawl jagħmilha ċara li dak li wieħed iġarrab fir-rabta tiegħu ma’ Ġesù—il-faraġ, il-ħlewwa fl-imħabba—dan mhuwiex sempliċiment qligħ personali jew xi promozzjoni li tagħmlu iktar qaddis mill-oħrajn, imma huwa wkoll don għall-komunità hekk li jwassal għat-tisħiħ tax-xirka fl-Ispirtu, għall-wiri ta’ ħniena u mogħdrija, għal fehma waħda mingħajr piki u ftaħir, sabiex ikunu ruħ waħda u ħsieb wieħed bejniethom fi Kristu.
Imbagħad San Pawl ikompli billi espliċitment jgħid il-ħsieb, il-pjan, ta’ Kristu Ġesù, dak li għamel għalina bħala mudell ta’ kif aħna għandna naħsbuha: ipoġġi quddiemna l-misteru sħiħ ta’ Kristu li, għad li hu Alla, wettaq il-Kelma tal-Missier u, mhux talli ma stmerrx li jsir wieħed minna, talli laqgħa b’ubbidjenza l-mewt, saħansitra l-mewt tas-salib, bħala konsegwenza naturali tal-fatt li hu tgħabba bil-ħtija tad-dnubiet tagħna. Veru, kif ifisser Pawlu, wara seħħet il-glorifikazzjoni ta’ Kristu li tilħaq il-milja tagħha fl-aħħar taż-żmien. Imma anke din l-istess glorifikazzjoni hija don għalina għax, jekk aħna nitgħallmu naħsbu u ngħixu f’din l-umiltà li biha għex Ġesù, aħna wkoll niġu msieħba miegħu fil-glorja.
Talba
Mulej, il-ħsieb tiegħek għandu l-forma tas-Salib, u l-ħsieb tiegħi wkoll jeħtieġ jieħu l-forma tas-Salib tiegħek li minn banda huwa umiljazzjoni li fija trawwem l-umiltà u mill-banda l-oħra huwa salvazzjoni jekk inħalli lili nnifsi nintmiss u niġi mċaqlaq miċ-ċertezza tiegħi fija nnifsi u maqlugħ mid-dnub tiegħi. Mulej, dan kollu mhuwiex faċli imma żgur li, permezz tal-Kelma tiegħek u wkoll permezz tal-ikel Ewkaristiku, inti tista’ twettaq din il-bidla fija sabiex ftit ftit niftaħ iktar idejn il-ħsieb tiegħi biex jieħu l-forma tas-Salib li jumilja imma wkoll isalva, lili u lil oħrajn miegħi u permezz tiegħi. Ammen.