Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet
It-Tieni Ħadd tal-Avvent Sena A
Kolletta
O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu mal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Il-Liturġija tal-Kelma f’dan it-Tieni Ħadd tal-Avvent tippreżentalna lil Ġwanni l-Battista bil-għan li tiffoka fuq l-ministeru tiegħu li jsejjaħ lill-poplu għall-indiema sabiex ikunu mħejjija għall-miġja tal-Messija. Anke fl-Ewwel Qari, minkejja li l-viżjoni hi kemmxejn kontrastanti, xorta waħda Isaija bħal Ġwanni l-Battista jħabbar il-miġja ta’ mibgħut li se jpoġġi kollox f’postu.
L-Ewwel Qari jippreżentalna l-mibgħut ta’ Alla mimli bl-ispirtu tal-Mulej hekk li hu għal kollox trasformat minnu, hekk li l-ġudizzju tiegħu mhuwiex influwenzat mill-antipatiji u l-simpatiji li bihom nimxu aħna imma mill-verità, hekk li l-istess kelma tiegħu ssawwat lil xi wħud bit-tama li tressaqhom lejn it-triq tas-sewwa (kif anke jagħmel Ġwanni fl-Evanġelju meta jagħti ħasla lill-Fariżej li marru jitgħammdu għandu), imma l-istess kelma tiegħu tgħolli lill-fqajrin u tagħtihom dinjità.
Ġwanni fl-Evanġelju isejjaħ għall-indiema bi tħejjija għall-magħmudija li sseħħ bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar, li hija l-istess grazzja li biha se jkun mimli l-mibgħut ta’ Alla fil-Profeta Isaija—kif forsi stajtu tinnutaw, issemmew dawk li nirreferu għalihom bħala d-doni tal-Ispirtu s-Santu li jaslu għandna fis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof li jerġa’ jġedded fina l-grazzja tal-magħmudija, imma din id-darba biex inkunu xhieda ta’ dak li qiegħed jibgħatna. Isaija jmur ukoll pass lil hinn u jfisser permezz ta’ xbihat assurdi kif se tkun is-saltna l-ġdida ta’ dan il-mibgħut ta’ Alla, bil-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, u l-leopard mal-gidi.
Niftakar, kien hemm soċju tal-MUSEUM li, biex jinki lil soċju ieħor ftit iktar skrupluż, kien jgħidlu li Isaija kien fis-sakra meta kiteb dal-kliem. Kienet ċajta, imma forsi wkoll ċajta vera għax għandna ħabta kif niskru u nedhew b’miljun oġġett li permezz tiegħu nippruvaw naljenaw ruħna ħalli ninsew—ninsew il-problemi tagħna, il-problemi tax-xogħol u tal-familja, il-problemi tad-dinja—hekk li bħal donnu ningħalqu f’bozza sabiex kemm jista’ jkun ma jaffetwana xejn, bħal meta wieħed jisker u jitlef il-kuntatt mar-realtà hekk li kważi kważi jidħol f’realtà oħra. Min ġieli siker, forsi jista’ jifhimni aħjar!
Imma l-Kelma ta’ Alla llum turina li s-soluzzjoni mhijiex is-sokor jew affarijiet oħra li nużawhom bħala morfina biex immewtu l-uġiegħ flok nikkonfrontawh u nħalluh jintmiss mill-grazzja ta’ Alla, jew dawk l-affarijiet li nħalluhom jillupjawna biex inessuna dak li proprju hemm bżonn niftakru iktar dwaru għax hemmhekk l-iktar li neħtiġuha l-indiema u l-maħfra ta’ Alla. Is-soluzzjoni hija li nħallu z-zokk niexef tar-ruħ tagħna jerġa’ jieħu l-ħajja u minnu tinbet rimja, kif ifisser Isaija, u li Ġwanni jwissi li hemm il-qtugħ lest jekk dan ma jseħħx: li l-mibgħut, il-Messija, se jiġi jfittex il-frott ta’ din ir-rimja biex jaħsdu sabiex jimla l-imħażen bil-qamħ—jibni s-Saltna tiegħu ukoll bl-isforzi ċkejkna tagħna li nagħmlu kuljum, jum iktar mill-ġurnata ta’ qabel, jekk jista’ jkun, u, jekk le, ma jimpurtax, erġa’ pprova.
Il-viżjoni tad-dinja ta’ Isaija hija wisq tal-ħolm biex narawha vera, u l-viżjoni ta’ Ġwanni hi wisq ħarxa hekk li faċli narmuha mill-ewwel għax mhijiex politikament korretta. Allura kif se nibqgħu? Fejn se mmorru? Fejn se nsibu kenn u qawwa?
Fit-Tieni Qari, San Pawl lir-Rumani jiktbilhom: “bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama.” Dan il-kliem irid jagħmilna konxji dwar is-serjetà ta’ dak li qed nitkellmu dwaru fejn tidħol il-ħajja Nisranija—u diġà qed jidher ċar li fi żminijietna stess se jkollna nieqfu sod għal dak li nemmnu fih—imma huwa wkoll kliem li jfarraġna, li jrawwimna fis-sabar għax jeħtieġ nistennew u nistinkaw sakemm il-ġustizzja vera sseħħ, u fit-tama li ma naqtgħux qalbna li l-hena mwiegħed se jasal xi darba, ukoll jekk għalissa se jkollna nissikkaw ruħna jew se nsibu ruħna f’battalji ħorox.
Talba
Mulej, onqox f’qalbi l-kelma “Tama” sabiex bħalek noħlom u nemmen li l-impossibbli jistgħu jsiru realtà jekk, sa fejn hu fil-limitu tagħna nħabirku ħalli niffurmaw dinja aħjar, fejn m’hemmx iktar vittmi u assassini, fejn m’hemmx iktar ħallelin u dawk li jiġu misruqa, fejn m’hemmx iktar biża’—sew biża’ mill-ħżiena u sew biża’ mill-id setgħana tiegħek. Ħa tkun it-tama tagħna stess ir-rimja li permezz tagħha inti jiftaħ it-triq għal ħajja ġdida u mġedda li twassal għas-Saltna tiegħek.
Ammen