Indmu u emmnu fl-Evanġelju

Tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxi l-għemil tagħna skont ir-rieda tiegħek, biex, f’isem Ibnek l-għażiż, inkattru l-għemejjel tajba tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

L-indiema tan-nies ta’ Ninwè.
Ġona 3:1-5,10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona

Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu: “Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien”. U Ġona qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej.

Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha. Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!”.

In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu l-ixkejjer, mill-kbir saż-żgħir.

U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 24(25):4bċ-5ab,6-7bċ,8-9

R/. (4a): Triqatek, Mulej, għarrafni.

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

Is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi.
1 Kor 7:29-31

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mk 1:15

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah

Indmu u emmnu fl-Evanġelju.
Mk 1:14-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni
Fil-qari tat-Tielet Ħadd tas-Sena, insibu SEJĦA li tidwi fit-tliet testi.

Fl-Ewwel Qari, Ġona li jaċċetta s-SEJĦA li għamillu Alla, iħalli kollox u jmur Ninwè b’missjoni li jsejjaħ il-poplu ta’ Ninwè għall-konverżjoni, għal bidla.

Il-poplu ta’ Ninwè aċċetta s-SEJĦA ta’ Alla biex jikkonvertu u jbiddlu triqtu. Is-sejħa għal bidla f’ħajjithom urewha fil-konkret: nedew sawma u libsu lbies tal-ixkejjer, maż-żgħir sal-kbir. Daqshekk kienet missithom fil-profond is-sejħa li waslithom biex jerġgħu jaqbdu t-Triq tas-Salvazzjoni.

F’Salm 24, is-salmista jitkellem dwar it-triqat tal-Mulej u jitlobu biex jgħinu jagħraf imexxi, u jgħallmu ħalli ma jdumx ma jerġa’ jsib it-Triq tas-Salvazzjoni. Hu jfakkar lil Alla fil-ħniena u t-tjieba tiegħu li huma minn dejjem. F’kull sagrifiċċju tal-quddies, ftit wara l-Missierna nitolbu: “Mulej, … tħarisx lejn ħtijietna imma ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek.” Is-salmista bħal donnu jikkompara l-ħtijiet tiegħu mal-kobor tal-ħniena u t-tjieba ta’ Alla u jagħraf li dawn huma ferm akbar minn kull ħtija. Dan Alla li moħħu fil-ħatjin u mhux fil-ġusti. Bħal ma naqraw fl-Evanġelju li Ġesù ġie għall-marid mhux għal min jikkonsidra lilu nnifsu f’saħħtu.

Dan Alla li hu migbud lejn il-fqir, lejn l-imsejken sakemm iwasslu u jurieh it-Triq tas-Salvazzjoni. 

Fit-Tieni Qari nsibu lil San Pawl iħeġġeġ lill-Korintin biex  jinħallu minn dak kollu li kienu marbutin miegħu, forsi wkoll dak kollu li kien ifixkel ir-relazzjoni li Alla xtaq ikollu magħhom. Din ukoll kienet SEJĦA għal dak li fil-lingwa Ingliża jissejjaħ detachment. Jew, kif jirreferi għalih Sant’Injazju ta’ Loyola, l-indifferenza. Fid-dinja kollox jgħaddi, u ħadd u xejn mhu għal dejjem. San Pawl f’test ieħor jgħidilna li kollox jgħaddi, kollox jispiċċa, jibqa’ biss il-fidi, it-tama u l-imħabba, imma jibqa’ biss l-imhabba għax hi biss ma tmut qatt.

F’San Mark naraw żewġ avveniment, jiġifieri dak tal-arrest ta’ Ġwanni l-prekursur ta’ Kristu, u lil Ġesù jterraq u  jfittex u JSEJAĦ lill-ewwel dixxipli, lil dawn l-erba’ aħwa. Ma marx ifittixhom fit-tempju iżda fuq il-lant tax-xogħol iebes tagħhom, dak ta’ sajjieda.  Mar ifittixhom fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom bl-isfidi kollha li ġġib magħha. Dawn wieġbu għal din is-sejħa bid-detachment u bl-indiferrenza mfissra qabel, bl-istess manjiera li San Pawl talab li jagħmlu l-Korintin. Pietru u Indrì ma ħasbuhiex darbtejn biex ħallew d-dgħajsa. Ġwanni u Ġakbu ma ħasbuhiex darbtejn biex ħallew id-dgħajsa, ix-xbiek u lil missierhom. Issaħħru wara Kristu u marru warajh.

Talba

Mulej, inti taf tajjeb kemm għandna xi jfixkilna u jiżvijana mit-Triq tas-Salvazzjoni, din it-triq li twassalna dejjem fi ħdan il-ħniena u t-tjieba tiegħek għalina. 

Tieqafx ISEJĦILNA, Mulej, ħalli nwiġbuk u nissaħħru u niġu warajk.