Infetħulhom għajnejhom u għarfuh!

It-Tielet Ħadd tal-Għid

Kolletta

O Alla, jifraħ dejjem il-poplu tiegħek biż-żgħożija mġedda ta’ ruħu, biex, kif int sebbaħtna u ferraħtna mill-ġdid bil-grazzja tal-adozzjoni, hekk ukoll, b’qalbna qawwija fit-tama, nistennew il-jum tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Ma setax ikun li Ġesù jinżamm fl-irbit tal-mewt.
Atti 2:14,22-33

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f’Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x’se ngħidilkom jien. Ġesù ta’ Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skont l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena. Imma Alla qajmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. Għax David jgħid fuqu: “Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi, għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek. Għalhekk ferħet qalbi u mtela bl-hena lsieni; u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama, għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir. Inti għarraftni t-triq tal-ħajja, timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek”.

Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sal-lum stess. Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu. David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal: “La kien mitluq fl-imwiet, u lanqas ġismu ma ra t-taħsir”.

Lil dan Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna lkoll xhieda. Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 15(16):1-2a,5,7-8,9-10,11

R/. (11a): Mulej, int tgħallimni t-triq tal-ħajja.
Jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek”.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija. R/.

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

Kontu mifdija bid-demm għażiż ta’ Kristu, bħal Ħaruf bla tebgħa.
1 Piet 1:17-21

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież, jekk intom issejħu Missier lil dak li, bla ma jħares lejn l-uċuħ, jagħmel ħaqq minn kulħadd skont l-għemil ta’ kull wieħed, għixu fil-biża’ ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija. Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.

Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma saret id-dinja, imma deher fl-aħħar taż-żminijiet minħabba fikom. Bih intom temmnu f’Alla, li qajmu mill-imwiet u tah il-glorja; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f’Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Lq 24:32

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Mulej, Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;
ħeġġilna qalbna, int u tkellimna.
R/. Hallelujah.

Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.
Lq 24:13-35

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.

“X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!

Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Ir-rakkont taż-żewġ dixxipli fi triqthom lejn Għemmaws ġie kkummentat ħafna u ħafna drabi għax hu ta’ valur kbir għad-dixxipli ta’ kull żmien u kull pajjiż.Xi wħud mill-missirijiet tal-Knisja jagħrfu lil dawn iż-żewġ dixxipli bħala tnejn mit-72 li Ġesù kien bagħathom wara li bagħat lit-Tnax. Jgħidu li Kleofa kien iz-ziju ta’ Ġesù (ħu San Ġużepp) u sieħbu kien jismu Xmun. Kienu ħbieb u aħwa fi Kristu. 

Żgur li fir-rakkont, jidher ċar kemm kienu mħawwdin u mifxulin bl-esperjenza tal-mewt ta’ Ġesù. Din kienet kriżi kbira ta’ fidi. Wieħed mid-dixxipli jwieġeb lil dar-raġel fit-triq, “Aħna konna nittamaw … konna nemmnu … imxejna warajh … imma minkejja li Ġesù kien wera li kien qawwi u setgħan f’għemilu, ħsiebna li kien il-Messija, imma jidher li falla u aħna ninsabu ddiżappuntati.” 

Min qatt ma għadda minn esperjenza bħal din? Kultant il-fidi tagħna tidħol fi kriżi, li minħabba esperjenzi negattivi, iġġagħalna nħossuna abbandunati u ttraduti mill-Mulej. Imma din il-ġrajja ta’ Għemmaws turina li, anke llum, hu possibbli li Ġesù jiltaqa’ magħna u aħna miegħu. 

Hemm żewġ mumenti fejn Ġesù jkollu impatt fuq id-dixxipli. L-ewwel meta ltaqa’ magħhom fejn kienu. “Our disappointments are God’s appointments.” Hekk turi l-esperjenza ta’ ħafna u ħafna dixxipli madwar id-dinja matul is-sekli. Id-djalogu bejn Ġesù u d-dixxipli hu eżempju tad-djalogu li Ġesù jixtieq li jkollu miegħek, int fejn int. Isibek fl-iktar mumenti mudlama tal-fidi tiegħek. Tintebaħ b’din ir-realtà? Għaddej minn żmien ta’ konfużjoni? Għandek ħbieb li taqsam magħhom id-diżappunti tiegħek? 

Matul din il-laqgħa, Ġesù jiftaħ moħħhom għall-verità tal-Iskrittura hekk li jaslu biex jistqarru, “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Kemm int familjari mal-Iskrittura? Kemm tħalliha titfagħlek dawl fuq is-sitwazzjonijiet, l-emozzjonijiet, u l-mixja tiegħek? 

It-tieni mument huwa meta jaqsam il-ħobż quddiemhom. Kemm qed tkun esperjenza profonda ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għalik? Forsi saret rutina, ritwal kwalunkwe? Għal dawn iż-żewġ ħbieb, il-qsim tal-ħobż serva biex, “infetħulhom għajnejhom u għarfuh.” Din hi l-esperjenza tiegħek? Jekk le, għaliex? Din l-esperjenza hi riżultat ta’ mixja, ta’ vjaġġ spiritwali. 

Talba

Ġesù, inti tixtieq tiltaqa’ miegħi u tiġi tfittixni fit-triq tal-ħajja tiegħi. Iftaħli għajnejja biex nagħrfek kull darba li sseħibni fil-vjaġġ u wassalni biex nagħrfek.

Ammen