Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

God, for ever and ever. Amen.

O Alla, inti tgħaqqad il-fidili tiegħek flimkien, bil-fehmiet kollha tagħhom, u tiġborhom rieda waħda bejniethom; agħmel li l-poplu tiegħek ikun iħobb il-preċetti tiegħek u jixtieq il-ġid li inti twiegħdu, biex, fost il-ħafna taqlib ta’ din id-dinja, il-qlub tagħna jieqfu fis-sod fejn hemm tassew il-hena. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Aħna rridu naqdu ’l-Mulej, għax hu Alla tagħna.
Ġoż 24:1-2a,15-17,18b

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè

F’dak iż-żmien, Ġożwè ġema’ t-tribujiet kollha ta’ Iżrael f’Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem Alla. U Ġożwè qal lill-poplu kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat tal-Amurrin li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej”.

U l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra! Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla’ lilna u ’l missirijietna mill-art tal-Egittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom qsamna. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 33(34):2-3,16-17,18-19,20-21,22-23

R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom. R/.

Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. R/.

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
Iħarislu għadmu kollha,
ebda waħda ma titkissirlu. R/.

Il-ħażin ħżunitu teqirdu;
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.

Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir.
Efes 5:21-32

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox.

Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu.

Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6:63ċ,68ċ

R/. Hallelujah.
Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.

Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 6:60-69

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.

Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Din is-silta mill-Evanġelju skont Ġwanni tibda bil-qtigħ ta’ qalb u dubji, u tispiċċa bi stqarrija. Uħud minn dawk li kienu marru wara Ġesù kienu qed jilmentaw li t-tagħlim tiegħu kien iebes. Kien għadu kemm temm id-diskors twil tiegħu dwar il-ħobż tal-ħajja fejn, fost l-oħrajn, jinsisti li, “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw 6, 53).

Meta semgħu dan il-kliem, ħafna persuni ħassewhom skoraġġiti. Ġewhom id-dubji. M’hemm xejn ħażin f’dan. Ħafna drabi nħossu lilna nfusna niddubitaw. Madankollu kliem Kristu jibqa’ ċar. Għax qed jitkellem il-Verità. Huwa jitkellem dwar dak li verament jimporta. Hawnhekk Ġesù jirreferi għalih innifsu bħala dak li tiela’ ’l fuq, biex jieħu postu fejn kien qabel l-inżul tiegħu fil-ħin u l-ispazju fl-Inkarnazzjoni. It-telgħa u l-inżul huma tant importanti fl-Evanġelju skont Ġwanni.

Wara li ħafna mid-dixxipli jitilquh, Ġesù jitkellem ċar mat-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” Hija deċiżjoni li jridu jieħdu: jew li jsegwu l-folla, jew dik li jemmnu u jimxu wara Ġesù. U madankollu, l-affermazzjoni ta’ Pietru, li “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” hija tant qawwija u toħloq kuntrast qawwi mal-iskoraġġiment u l-azzjoni  tal-folla.

Id-dubju jista’ jwassal għall-fidi. Din hija r-raġuni għaliex is-silta tintemm b’dik l-affermazzjoni importanti minn Pietru. Il-ħajja spiritwali tagħna hija vjaġġ ta’ fidi. Huwa l-vjaġġ tiegħi u tiegħek. Il-vjaġġ spiritwali mhuwiex mingħajr xkiel u diffikultajiet. B’dan il-mod tirrifletti wkoll il-ħajja tagħna ta’ kuljum li ma tiġix mingħajr il-problemi tagħha. Madankollu, jekk niddeċiedu li nħallu lill-Mulej f’ħajjitna, dan jista’ jkun vjaġġ li jqawwina; vjaġġ ta’ tlugħ, fejn nersqu eqreb lejn Alla.

Talba

Mulej, inħoss dubji u diffikultajiet. Jista’ jkun li mhux dejjem nifhem l-esperjenza spiritwali tiegħi. Agħtini s-saħħa biex nemmen, biex ikolli fidi, biex inħallik tidħol ġewwa fija. Ħallini nċedi ruħi lilek, fl-assigurazzjoni li jien ukoll se ninbidel.

L-istqarrija qawwija ta’ Pietru hija affermazzjoni ta’ bniedem wieħed, b’kuntrast mad-dubji mtennija minn numru ta’ dixxipli qabel. Ħalli dik l-istqarrija tkun il-mira tiegħi, minkejja d-diffikultajiet li għaddej minnhom. Ħallini niftakar, kif qal Santu Wistin darba, li “Int għamiltna għalik innifsek, o Alla, u qalbna hija bla kwiet sakemm tistrieħ fik.”

O Mulej, ħallini nkun xhud tal-fedeltà tiegħek f’din il-ħajja. Ħallini nkun mezz li bih dawk ta’ madwari jiltaqgħu mal-Verità u l-Ħajja ta’ dejjem u jħaddnuhom.

Ammen.