Intom, min tgħidu li jien?

L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena B

Kolletta

Ħares lejna, o Alla, li toħloq u tmexxi kollox, u agħtina li naqduk b’qalbna kollha biex inġarrbu l-qawwa tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. 

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni.
Iż 50:5-9a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.
Min se jeħodha miegħi?
Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!
Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja!
Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini t-tort?

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 114(116):1-2,3-4,5-6,8-9

R/. (9): Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.

Inħobb il-Mulej,
għax sama’ leħen it-tħannin tiegħi;
għaliex hu tani widen
fil-jum li fih sejjaħtlu. R/.

Il-ħbula tal-mewt dawruni,
l-irbit tal-imwiet ħakimni;
fin-niket u l-hemm sibt ruħi.
Imma isem il-Mulej sejjaħt:
“Mulej, nitolbok, salvani!”. R/.

Ħanin il-Mulej, u ġust;
twajjeb hu Alla tagħna.
Iħares id-dgħajfa l-Mulej;
jien kont magħkus, u hu ħelisni. R/.

Għax mill-mewt ħelisli ’l ħajti,
lil għajnejja mid-dmugħ
u ’l riġlejja mit-tfixkil.
Jien nimxi quddiem il-Mulej
f’art il-ħajjin. R/.

Il-fidi mingħajr l-għemil hi mejta.
Ġak 2:14-18

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.

Imma xi ħadd jista’ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil”. Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Gal 6:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ma jkun qatt li niftaħar
jekk mhux bis-salib ta’ Ġesù Kristu,
li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.
R/. Hallelujah.

Hu meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna.
Mk 8:27-35

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”. Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti”. Staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”.

Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”.

Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

Fl-erba’ Evanġelji niltaqgħu ma’ diversi personaġġi u mar-reazzjoni tagħhom għall-persuna u t-tagħlim ta’ Ġesù.

– Min għaraf lil Ġesù bħala l-Messija … u min le.
– Min emmen li hu l-Iben ta’ Alla … u min fittex li joqtlu.
– Min ra u emmen … u min baqa’ b’qalbu magħluqa.

Fir-rakkont tal-lum (li jinsab f’nofs l-Evanġelju skont San Mark), l-Evanġelista jippreżentalna wieħed minn dawn l-episodji dwar l-identità ta’ Ġesù. Imma did-darba mhumiex in-nies li jistaqsu min hu … imma huwa Ġesù nnifsu li jieħu l-inizzjattiva u jitlob lid-dixxipli jgħidulu min kienu jaħsbu n-nies li hu u min kienu jaħsbu huma li hu.

Issa kien ilu ftit magħhom—għamluha miegħu u rawh jagħmel bosta mirakli. Sa mill-ewwel kapitlu f’San Mark insibu lil dak li kellu fih spirtu ħażin jgħidlu, “Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla” (Mk 1, 24). Imma tliet versi biss wara niltaqgħu mal-istess ġemgħa li ratu jwettaq il-miraklu tistaqsi, “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa!” (Mk 1, 27). L-istess mistoqsija għamluha d-dixxipli li kienu miegħu fuq id-dgħajsa “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”(Mk 4, 41). Ftit wara, fl-istess Evanġelju skont San Mark naqraw kif in-nies “baqgħu miblugħin bil-għaġeb” hekk kif qajjem it-tifla ta’ Ġajru mill-mewt (Mk 5, 42). Iżda mqar dan il-miraklu ma kienx biżżejjed għax il-ħafna li semgħuh jgħallem ġewwa s-sinagoga bdew jistagħġbu u jgħidu, “Mnejn kisbu dan l-għerf kollu … Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija?” (Mk 6, 2-3). Mhux ta’ b’xejn li baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom!

Semgħuh jipprietka. Semgħuh jgħallem bis-setgħa. Rawh jagħmel il-mirakli. Rawh iqajjem mill-mewt. Imma xorta kienu għadhom ma għarfuhx. Lanqas Pietru, li stqarru bħala l-Messija, ma kien għadu għarfu. Għax il-Messija għal Pietru kellu jkun wieħed glorjuż u mhux wieħed li kellu jbati, ikun miċħud u maqtul. Ġesù ma kienx skont il-Messija mistenni. Minkejja li l-fama tiegħu xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija, kienu għadhom ma għarfuhx. Kielu miegħu … u baqgħu ma għarfuhx.

Talba

Ġesù, inti ma kontx skont l-aspettattivi tan-nies ta’ żmienek … u lanqas skont l-aspettattivi tiegħi. Mhux billi nistqarrek bħala “l-Qaddis ta’ Alla” (bħalma stqarrek l-imxajtan). Mhux billi nistqarrek bħala “l-Messija” (bħalma stqarrek Pietru). X’jiswa jekk imbagħad fl-istess nifs inlumek hekk kif nisma’ dak li ma jdoqqx għal widnejja? X’jiswa jekk imbagħad fl-istess nifs noħodha kontrik għax il-perspettiva tiegħek ma taqbilx ma’ tiegħi?

Ġesù, għinni ħalli nistqarrek—mhux bil-fomm, imma bl-għemil.

Għinni ħalli nistqarrek billi nagħmel ir-rieda tiegħek.

Għinni biex, bħaċ-ċenturjun, wieqaf biswitek taħt is-salib, nagħmel l-esperjenza tiegħek … inġarrbek kif int: mhux kif nimmaġinak li int jew kif nixtieqek tkun, imma kif tassew int—imdendel mejjet ma’ salib, imma glorjuż għal min jaf jimxi id f’id miegħek.

Ħalli mbagħad inkun nista’ tassew ngħix (mhux biss nistqarr) l-istqarrija taċ-ċenturjun, “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!” (Mk 15, 39).

Ammen.