Is-sliem għalikom!

Tieni Ħadd tal-Għid

Kolletta

O Alla ta’ ħniena bla tarf, matul dawn il-festi tal-Għid inti tħeġġeġ il-fidi tal-poplu qaddis tiegħek; qawwih ukoll fil-grazzja li tajtu, biex, kulħadd jifhem bid-dehen kollu b’liema ħasil tnaddaf, b’liema spirtu tnissel mill-ġdid, u b’liema demm infeda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Dawk kollha li kienu jemmnu kienu lkoll flimkien u kellhom kollox bejniethom.
Atti 2:42-47

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, id-dixxipli kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb. Waqa’ mbagħad il-biża’ fuq kulħadd għax ħafna kienu l-mirakli u s-sinjali li kienu jsiru permezz tal-appostli. Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja; u kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 117(118):2-4,13-15,22-24

R/. (1): Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa tgħid dar Aron:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

B’saħħithom kollha imbuttawni biex naqa’;
imma l-Mulej tani l-għajnuna.
Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej;
hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.
Għajat ta’ ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin:
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila! R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.

Tana twelid ġdid li jwassalna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet.
1 Piet 1:3-9

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet u għal wirt li la jitħassar, la jittabba’, u lanqas jinxef. Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’ Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.

Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi. Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu. Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni tagħkom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 20:29

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
R/. Hallelujah.

Tmint ijiem wara ġie Ġesù.
Ġw 20:19-31

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni
Ma nafx tħossuhiex intom, imma jiena jiġrili li nsib ruħi li lill-Mulej nitolbu biex bħal Tumas jistennieni ġimgħa oħra, biex jerġa’ jiġi l-Ħadd ta’ wara għalija. U nagħmel din it-talba għax ġieli fil-ħajja nsib ruħi bħal Tumas: magħluq fija nnifsi, mehdi bil-problemi u l-weġgħat tiegħi, mitluf fil-ħsibijiet tiegħi, distakkat ukoll minn ta’ madwari hekk li ma nindunax bil-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, forsi wkoll ma nistax nitlob. U tant inkun aljenat u mħawwad li qisni ma nafx li l-Mulej qam mill-mewt. U bħal Tumas nibqa’ ’l barra mill-ferħ tal-aħbar it-tajba tal-qawmien u ma nesperjenzax il-ferħ li ġarrbu d-dixxipli meta ltaqgħu mal-Mulej. 

Naħseb li lkoll f’xi waqt jew ieħor insibu ruħna bħal Tumas. Fortunatament, il-Mulej jerġa’ jiġi għalina u jibqa’ kull darba jiġi għalina, mhux biex iċanfarna jew jiġbdilna widnejna; mhux biex jgħidilna, “Imma kif ma titgħallem qatt! Kif kull darba ma temminx mill-ewwel, ma tafdanix!” Minflok, bħal Tumas, bis-sabar kollu jerġa’ jurina l-pjagi—sinjali tat-tbatija tiegħu, imma wkoll tal-umanità tiegħu—u jistedinna biex inpoġġu jdejna fuqhom. 

U l-isbaħ biċċa tal-istorja hi li, fil-laqgħa ma’ Kristu ħaj, dak kollu li hu mewt fina, dak kollu li hu weġgħa fina, dak kollu li hu dell fina, in-niket tagħna … dawn l-esperjenzi qarsa li b’xi mod jagħlquna fina nfusna, ma jiġux injorati imma, fil-laqgħa tal-pjagi tagħna mal-pjagi ta’ Kristu, dawn isiru l-post fejn aħna nġarrbu l-imħabba, il-fejqan (jew tal-anqas nibdew nesperjenzaw il-fejqan). Imma hemm, fil-pjagi, jinsab is-sigriet. U jalla jkollna l-kuraġġ li mmissuhom il-pjagi tagħna u nħalluhom jintmissu mid-dawl li joħroġ mill-pjagi tiegħu, għax hu hekk biss li lil Ġesù naslu li nagħrfuh u nesperjenzawh fil-ħajja tagħna bħala l-Mulej tagħna u Alla tagħna. Jekk nibqgħu naħarbu mill-feriti tagħna, ser jibqgħu hemm u jibqgħu jdennu u jikkankraw.

Forsi Ġesù ser ikollu bħal Tumas jistenniena u jerġa’ jiġi għalina. Ma jimpurtax. Il-Mulej jiġi. Hekk jagħmel għalina kull nhar ta’ Ħadd, kuljum, fl-Ewkaristija. Imma jeħtieġ li bħal Tumas ma nibqgħux maqtugħin għalina imma nibqgħu marbutin mal-komunità għax hu hemm fejn il-laqgħa sseħħ. Huwa flimkien, bħala komunità, li nesperjenzaw il-grazzja tal-Mulej li ssalva. Hu permezz tal-komunità li jiġi jiltaqa’ magħna u jfittixna. 

Talba

Grazzi, Mulej Ġesù, talli kull darba tibqa’ tistennieni. Agħmel li ssibni lesti biex inħallu l-ġrieħi tiegħi jiltaqgħu mal-pjagi tiegħek u nġarrab il-ferħ tal-qawmien fi ħdan il-Knisja, din il-komunità ta’ miġruħin, imma miġruħin li huma salvati u li jemmnu fil-qawwa ta’ dak li salvahom.

Ammen