Ishru!

L-Ewwel Ħadd tal-AvventSena B

Kolletta

O Alla li tista’ kollox, qanqal fil-fidili tiegħek ir-rieda li, bis-saħħa ta’ għemejjel tajba, joħorġu jiltaqgħu ma’ Kristu Ibnek li ġej, biex jissieħbu miegħu fil-leminija tiegħu u jistħoqqilhom jiksbu s-saltna tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel!
Is 63, 16b-17.19b; 64, 2-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Int, Mulej, missierna,
ismek il-Feddej tagħna minn dejjem.
Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn triqatek,
u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek?
Erġa’ lura minħabba l-qaddejja tiegħek,
it-tribujiet li huma wirtek.

Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!
U jitheżżu l-muntanji quddiemek
meta int tagħmel għeġubijiet li ma konniex nistennew,
u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom!
Widna qatt ma semgħet,
għajn qatt ma rat Alla bħalek,
Alla li jħabrek għal min jittama fih.

Int tilqa’ lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ,
lil dawk li jiftakru fi triqatek.
Ara! Int kont mgħaddab għalina, u aħna dnibna.
Domna fi dnubna, u kontrik qomna għal ħafna żmien.
Tniġġisna lkoll kemm aħna,
bħal ċarruta maħmuġa l-aħjar għemejjel tagħna;
bħal werqa lkoll dbilna
u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.

Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek,
li jitħarrek biex iżomm miegħek.
Għax int ħbejt wiċċek minna, u rħejtna f’idejn ħżunijietna.
Madankollu, Mulej, int missierna;
aħna t-tafal, u inti l-fuħħari;
aħna lkoll għemil idejk.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 79 (80), 2aċ.3b.15-16.18-19

R/. (4): Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi

O Ragħaj ta’ Iżrael, agħti widen,
Int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi:
Qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana. R/.

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta’ lemintek,
fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek. R/.

Nistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1 Kor 1, 3-9

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti: Grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu!

Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma, f’kull għerf daqs kemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom.

Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa hu li jwettaqkom sal-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu. Alla jżomm kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 84 (85), 8

Hallelujah. R/. Hallelujah
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
R/. Hallelujah

Ishru għax ma tafux meta jerġa’ jiġi sid id-dar.
Mk 13, 33-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.

Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.

U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Il-Liturġija tal-Kelma llum hija mmarkata minn emozzjonijiet differenti: dieqa għad-dnubiet fl-Ewwel Qari; supplika fis-Salm Responsorjali; gratitudni u inkoraġġiment fit-Tieni Qari; u kważi kważi biża’ u ansjetà fl-Evanġelju. Mill-banda l-oħra l-qari kollu hu kkaratterizzat minn stennija u talba ħerqana lill-Mulej biex jintervjeni, biex jagħmel xi ħaġa. Taħlita pjuttost imħawra tajjeb, li forsi xħin nisimgħuha kollha f’daqqa u narawha b’din il-lenti ta’ sinteżi tista’ taħsadna u tħawwadna. Imma realistikament huma kollha emozzjonijiet familjari u tweġibiet differenti li l-fidi tagħna tagħti fl-istess ħin quddiem ir-realtà tad-dinja u l-ġrajjiet tagħha, u anke quddiem ir-realtajiet u ġrajjiet tagħna u tal-familji u l-komunitajiet tagħna.  

Il-fatt li ta’ kuljum ngħaddu minn din it-taqliba sħiħa ta’ emozzjonijiet u talbiet jista’ jfixkilna u jgħejjina. Imma l-Knisja tagħmel l-għażla li tibda s-sena liturġika tagħha billi tpoġġi quddiemna l-mera ta’ din il-Kelma mhux biex noqogħdu nħarsu lejna nfusna b’vanità jew biex nitħassru lilna nfusna u nsewdu qalbna iktar, imma biex iġġagħalna naffaċċjaw il-verità tagħna nfusna. U toffrilna ż-Żmien tal-Avvent proprju biex—preċiżament għall-kuntrarju tar-ritmu soċjali mgħaġġel u mimli ġenn li jimmarka x-xahar ta’ Diċembru—iġġagħalna nżommu l-brejkijiet. U dan tagħmlu mhux biex iktar nitgerfxu meta naraw il-kwalità miżerabbli tal-ħajja tagħna, imma preċiżament bil-kontra: biex turina l-mogħdrija ta’ Alla kif espressa fil-kliem mimli ħlewwa li nsibu fl-Iskrittura, u wkoll biex tfakkarna li l-ħajja mhijiex ġirja kontra l-ħin imma hija stennija għal laqgħa. Stennija li mhijiex primarjament għall-Milied li tant sar jaqtgħalna nifisna u jbattal bwietna hekk li kważi kważi nieħdu qatgħa meta jasal, imma hija stennija għal-laqgħa mal-Mulej. Laqgħa li sseħħ b’mod konklussiv fil-mument tal-mewt li ma nafux meta se tilħaqna, irrispettivament minn kemm nippruvaw naħarbu minnha u nipposponuha, u b’mod iktar ġenerali hija stennija għat-tieni miġja tiegħu fil-glorja. Nistgħu ngħidu li l-Knisja tibda s-sena eżatt fejn tkun spiċċatha: bil-ħarsa lejn it-tmiem. 

Il-kliem ta’ Kristu fl-Evanġelju huwa mimli urġenza u serjetà: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru”—kliem li tgħidu lil xi suldat li qed jistenna l-attakk tal-għadu jew lil xi għassies jew security f’post li faċli jinqala’ xi ħaġa, fejn ma tistax tisraq nagħsa jew tippermetti li għajnejk imorru bik. Fl-istess ħin, ironikament, Ġesù jkellem lid-dixxipli f’termini ta’ sid u qaddejja, u allura nies ta’ fiduċja li ġew fdati bid-dar tas-sid tagħhom biex jieħdu ħsiebha. Għaldaqstant, qalb l-emozzjonijiet varjati li l-ħajja tgħaddina minnhom, il-miġja tas-Sid hija miġja ta’ ferħ għall-qaddej fdat u responsabbli għax ikun il-mument li fih jista’ juri lil sidu li wettaq xogħlu tajjeb u li kien tassew ta’ min tafdah. Huwa l-qaddej għażżien u mitluq li jeħtieġlu jibża’ mill-miġja tas-Sid. 

Tfisser ukoll din ix-xbieha li juża Ġesù li l-istennija tagħna hija mimlija tama għax is-Sid tagħna mhuwiex tirann jew bniedem kiefer imma huwa Sid ġust u rett, li ma jittollerax laxkezza u skużi bla sens. Anzi, kif jgħid lill-Korintin fit-Tieni Qari, huwa s-Sid li nistennew il-miġja tiegħu bil-ħerqa u li jwettaqna, jissudana, jimlina b’kull xorta ta’ doni għall-bini tad-‘dar’ tiegħu fuq l-art (il-Knisja), għat-tisħiħ tas-Saltna tiegħu, sabiex meta jiġi jsibna mhux biss bla ħtija, imma jsibna għonja għax fittixna li nħallu l-Kelma tiegħu u l-għerf tiegħu jittrasformawna u jagħmluna iktar nixbhu lilu. 

B’danakollu, fil-frattemp, bejn miġja u oħra ta’ Kristu, ma jfissirx li s-Sid mhuwiex qrib. Anzi, nistgħu ngħidu li s-Sid qatt ma ħalla daru imma f’ħinijiet differenti tal-ġurnata jiġi jiltaqa’ magħna b’mod moħbi. U l-mod kif nilqgħu dawn il-laqgħat moħbija tas-Sid jaffetwa l-mod kif se jiġġudikana meta niltaqgħu miegħu b’mod definittiv u l-mod kif aħna nħarsu lejn din il-laqgħa, jekk hux b’biża’ jew b’ħerqa, jekk hux b’sensittività anke għall-inqas sinjal ta’ kuljum jew b’aljenazjoni u indifferenza..

Talba

Mulej Ġesù, aħna u nibdew sena liturġika ġdida, jalla dan il-bidu mill-ġdid fil-ħajja tagħna jkun mument ta’ skoperta mill-ġdid li m’aħniex sidien tagħna nfusna imma aħna qaddejja li qegħdin jistennew lil Sidhom. Permezz ta’ dan iż-żmien tal-Avvent sensel fina spirtu ta’ sahra u stennija: sahra li mhijiex mitluqa’ jew stennija għax imxebbgħin u għajjenin mill-ħajja; imma stennija attenta għalik li tiġi tiltaqa’ magħna ta’ kuljum fil-moħbi sabiex, permezz ta’ dawn il-laqgħat ċkejkna u kontinwi, qalbna iktar titħeġġeġ għalik sabiex, meta jasal il-mument tal-laqgħa tagħna wiċċ imb wiċċ miegħek, tkun il-laqgħa mal-imħabba ta’ ħajjitna li għaliha għexna.

Ammen.