Ishru biex tkunu lesti
L-Ewwel Ħadd tal-Avvent
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt iġġedded kollox f’Ibnek il-għażiż, is-Sultan tal-ħolqien kollu; fit-tjieba tiegħek, agħtina li l-ħlejjaq kollha, meħlusa mill-jasar tad-dnub, jaqdu O Alla li tista’ kollox, qanqal fil-fidili tiegħek ir-rieda li, bis-saħħa ta’ għemejjel tajba, joħorġu jiltaqgħu ma’ Kristu Ibnek li ġej, biex jissieħbu miegħu fil-leminija tiegħu u jistħoqqilhom jiksbu s-saltna tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Meta taqra l-Ewwel Qari u l-Evanġelju tal-lum, l-Ewwel Ħadd tal-Avvent u tas-Sena Liturġika tal-Knisja, tidħol fid-dubju jekk aħniex nitkellmu dwar l-istess realtà: Minn banda, Isaija fl-Ewwel Qari jħabbar ġejjieni kollu tama, fejn ix-xwabel jinbidlu f’sikek tal-moħriet, bħal donnu l-epilogu tal-musical Les Miserables, meta l-miżerabbli kollha, hi x’inhi l-miżerja tagħhom, ikantaw flimkien b’vuċi waħda:
We will walk behind the ploughshare
We will put away the sword
The chain will be broken
And all men will have their reward
… kważi kważi l-ħolma idillika li, minkejja kollox, xorta tibqa’ tafda fit-tjubija tal-umanità u tal-ħolqien għax ma titlifx il-fiduċja tagħha fit-tjubija tal-Ħallieq u tas-Saltna tiegħu.
Mill-banda l-oħra, fl-Evanġelju, it-tonn ta’ Ġesù hu iktar serju u gravi għax ifakkar li t-tranżizzjoni, il-passaġġ, minn dan il-wied tad-dmugħ għall-ġnien tal-Mulej mhijiex ħaġa sempliċi u awtomatika imma jeħtieġ li nkunu ppreparati: mhux fis-sens ta’ testmenti magħluqa u bagalji lesti, imma fis-sens ta’ taqbida li titħabat biex ma tħallix id-dilluvju tal-kurrenti tad-dinja li qegħdin ngħixu fiha jġorruna magħhom u jgħarrquna, fejn il-prioritajiet tal-ħajja ta’ kuljum jieħdu post il-prijoritajiet tal-ħajja sħiħa, fejn ninvestu f’dak li jħalli biss qliegħ għal żmien qasir flok investiment f’dak li jibqa’, fejn ir-relazzjonijiet tagħna flok jiftħuna iktar għal xulxin b’ġenwinità jkunu biss possessivi u manipulattivi.
Il-passaġġ minn dawn iż-żewġ trufijiet, li t-tnejn huma reali u importanti, insibuh fit-Tieni Qari meta, fl-ittra tiegħu lir-Rumani, San Pawl jikteb: “waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas,” u, iktar ’il quddiem, jistqarr is-sigriet tal-ħajja nisranija li skopra hu u li jagħmel id-differenza kollha, “ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu.” Forsi xi ftit differenti min-nota lirika li tagħlaq biha Les Miserables, is-Saltna ta’ Alla, kemm hawn fuq l-art u kif ukoll fis-sema, m’għandhiex standarti jekk mhux is-salib, m’hemmx bnadar jew uniformijiet, imma hemm libsa li lkoll nirċievu u jeħtieġ nilbsuha. Nilbsuha biex l-għera tagħna, id-dgħufija umana tagħna limitata kif inhi, ma tibqax ta’ għajb, ta’ mistħija, imma tikseb mill-ġdid id-dinjità tagħha li kellha fil-bidu tal-ħolqien għax tinħeles mill-mod ħażin ta’ kif inħarsu u nużaw il-ġisem tagħna u ta’ ħaddieħor; tinħeles mill-ktajjen tal-jasar, hu x’inhu; tinħeles mill-ispirtu ta’ dominanza u ħakma, kemm ta’ ħaddieħor fuqna u kif ukoll tagħna fuq ħaddieħor, anke jekk biss b’modi sottili imma iktar u iktar insidjużi.
Fuq kollox, hija l-libsa li tagħmilna lkoll nixbhu lil Kristu bil-mod uniku tagħna, u l-isfida kontinwa tal-ħajja nisranija hija din: F’ċirkostanzi dejjem jinbidlu, bil-persuna u l-personalità tiegħi li dejjem jinbidlu kemm biż-żmien u kif ukoll bl-esperjenzi li l-ħajja tgħaddina minnhom, ħżiena u tajbin, kif jien se nsir iżjed nixbah lil Ġesù u ngħin lil ta’ madwari jsiru iktar jixbhu lil Ġesù? Kif se naħdem biex il-Knisja u s-soċjetà ikunu iktar jixbhu l-ideal tal-Evanġelju, li mhuwiex manifest politiku imma hu viżjoni differenti ta’ kif inħarsu lejn l-istess realtajiet u mmexxuhom ’il quddiem?
Talba
Mulej Ġesù, aħna u nibdew sena liturġika oħra li, bħalma s-sena tkejjel iż-żmien li tieħu l-pjaneta tagħna biex iddur max-xemx, hekk ukoll din tagħna hija sena li tkejjel id-dawran tagħna bħala Knisja, bħala poplu, madwarek ix-Xemx tal-ġustizzja, iftħilna qalbna biex nilqgħu l-istedina u nqumu min-ngħas, mit-telqa li xi kultant taħkimna, sabiex inġeddu fina l-impenn tal-magħmudija li nilbsu lilek fil-faċċati differenti tiegħek li se niltaqgħu magħhom Ħadd wara Ħadd fil-Liturġija.
Ammen