Intom qtiltu lil Sid il-ħajja, imma Alla qajmu mill-imwiet. Atti 3:13-15,17-19
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru qal lill-poplu: “Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb, Alla ta’ missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu. Intom ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel u qtiltu lill-awtur tal-ħajja. Imma Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna xhieda.
Issa, ħuti, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom għamiltu dan għaliex ma kontux tafu. Imma b’hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b’fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati. Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom”.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm 4:2,4,7,9
R/. (7a): Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek.
Jew
R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Weġibni, meta nsejjaħlek, Alla tal-ġustizzja tiegħi; oħroġni fil-wisa’ meta nkun imdejjaq, ħenn għalija u isma’ talbi. R/.
Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi; jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu. R/.
Ħafna jgħidu: “Min jurina r-riżq?”. Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek. Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni. R/.
Kristu ħallas għad-dnubiet tagħna u tad-dinja kollha. 1 Ġw 2:1-5a
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.
U b’dan nafu li nagħrfu ’l Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid: “Jiena nafu” u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità mhijiex fih. Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.
Il-Kelma tal-Mulej R/. Irroddu ħajr lil Alla
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU ara Lq 24:32
Hallelujah. R/. Hallelujah. Mulej Ġesù, fissrilna l-Iskrittura; ħeġġilna qalbna, int u tkellimna. R/. Hallelujah.
Kif hemm miktub fl-Iskrittura: il-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum. Lq 24:35-48
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħhom xi ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż!
Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”. Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.
Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi”. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Tifħir lilek, Kristu.
Riflessjoni
Id-dixxipli t’Għemmaus kienu bħalna tilfu kull tama li għad jerġgħu jaraw id-dawl. Kien għalhekk li qamu u telqu minn Ġerusalemm u bdew mexjin fit-triq tagħhom lejn Għemmaws. It-triq hawnhekk serviet bħala ‘escape route’ mid-diżappunti u s-sofferenzi tal-ħajja għax il-mewt ta’ Ġesù ta’ Nazaret, dak li emmnu fih, issa kienet tfisser ukoll il-mewt tat-tama tagħhom.
Jgħidilna Luqa, fir-rakkont tiegħu, li dakinhar kien l-ewwel jum tal-ġimgħa—il-Ħadd—jum ġdid, bidu ġdid, tama ġdida. Dakinhar, kmieni filgħodu, ingħataw l-aħbar li l-qabar li fih kienu difnu lil Ġesù issa sabuh miftuħ u vojt. U dawn iż-żewġ dixxipli t’Għemmaws inħasdu għax ma setgħux iġerrgħuha din l-aħbar, u għalhekk iddeċidew li jitilqu ’l hemm. Mat-triq iltaqgħu ma’ Ġesù u dawn baqgħu xorta ma għarfuhx, imma hu innifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom it-triq kollha u b’interess beda jisma’ dak kollu li kien qed itaqqalhom. Ġesù jagħti widen għax ġenwinament jimpurtah—jilgħaba taċ-ċuċ u l-iblah biex jagħmel ta’ birruħu li ma jafx x’kien ġara dan l-aħħar f’Ġerusalemm biex hekk jagħti ċans lil dawn id-dixxipli jferrgħu kollox.
Ġesù mhux biss jismagħhom imma anke jikkunslahom billi jfakkarhom kulma kien hemm miktub fl-Iskrittura u hekk waslu fejn kienu sejrin u Ġesù għamel ta’ birruħu li ħa jibqa’ sejjer imma huma ġegħluh jibqa’ magħhom għax kien sar ħafna ħin u l-jum kien wasal biex jintemm. Hekk kif kien riesaq il-lejl u s-satra u d-dalma tiegħu d-dixxipli stiednu lil Ġesù—lid-dawl tad-dinja—jibqa’ magħhom. Ġesù jdawwal id-dlam tad-dixxipli—ta’ dawk li stiednu lill-barrani jidħol għandhom u jiekol magħhom. U hemmhekk huma għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Anke f’mumenti ta’ dlam u dieqa dawn kienu lesti li jiftħu il-bieb ta’ qalbhom beraħ għal dak li f’għajnejhom kien u għadu barrani.
Għal għonq it-triq, id-dixxipli għaddew minn Ġerusalemm għal Emmaus, mid-desolazzjoni għat-tama, mid-dlam għad-dawl, mit-taħwid għal fehma u mill-assenza għall-preżenza u, hekk kif infetħulhom għajnejhom u għarfuh, dlonk qamu u telqu lura lejn Ġerusalemm.