Tmint ijiem wara ġie Ġesù

Tieni Ħadd tal-Għid jew il-Ħadd tal-Ħniena Divina

Qalb waħda u ruħ waħda.
Atti 4:32-35

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien. B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna. Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 117(118), 2-4,16ab-18,22-24

R/. (1): Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba tiegħu għal dejjem!

Jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

Ħa jgħidu wlied Iżrael: “Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa tgħid dar Aron:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
Ħaqarni tassew il-Mulej,
iżda ma telaqnix għall-mewt. R/.

Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.

Kull min hu mwieled minn Alla jirbaħ lid-dinja
1 Ġw 5:1-6

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna.

Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 20:29

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li ma rawx u emmnu.
R/. Hallelujah.

Tmint ijiem wara ġie Ġesù.
Ġw 20:19-31

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Dan hu l-Evanġelju!

Din l-Aħbar it-Tajba kif qed tolqotna llum? Tgħid m’għadhiex Aħbar Tajba għalina minħabba li ilna nisimgħuha? Għadu jissorprendina bil-ferħ tiegħu Ġesù kif għamel lid-dixxipli? Ħa nħarsu lejn xi kliem importanti u nħallu l-Ispirtu s-Santu jwassalna għall-verità sħiħa.

il-bibien magħluqa” – xi jfissru għalina dawn il-bibien? X’bibien għandna magħluqa? Minn xiex qed nibżgħu?

idejh u ġenbu” – L-Irxoxt hu dak li kien imsallab. Il-pjagi huma l-evidenza li hu rafa’ fuqu l-mard tagħna u tgħabba bid-dnubiet tagħna, sinjal li hu tassew bniedem li qam mill-Mewt, il-Mewt ma taħkimx fuqu. “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġwanni 20, 27). Hu joffrihom biex immissuhom, biex nesperjenzaw is-salvazzjoni ħanina tiegħu, dawk il-pjagi li ġabulna l-ħelsien minn kull katina li torbotna mad-dnub, mat-toqol, mad-dwejjaq. Il-pjagi tal-Irxoxt huma s-saħħa tagħna. Fejn nistgħu mmissu l-ġrieħi ta’ Ġesù llum? B’liema ħerqa nippruvaw immissu l-evidenza li Ġesù hu ħaj għalina?

Ħudu l-Ispirtu s-Santu” – l-ewwel frott tal-fidwa hu t-Tielet Persuna tat-Trinità. Ġesù għalhekk sar bniedem, għalhekk bata, miet u qam mill-mewt: biex jgħammidna bl-Ispirtu tiegħu. Kemm nafuh lill-Ispirtu t’Alla, kemm nesperjenzawh f’ħajjitna? Kemm inħalluh iqawwina bil-frott tiegħu (Galatin 5, 22-23) u bid-doni tiegħu (1 Korintin 12, 4-11)? Kemm inħalluh jgħallimna nitolbu (Galatin 4, 6)?

Tumas … ma kienx magħhom meta ġie Ġesù” – kemm hawn aħwa nsara li kellhom esperjenza ta’ Ġesù Rxoxt, ta’ Ġesù l-Mulej! Forsi jien wieħed minnhom. Imma jekk m’inix, għaliex ma nemminx lil ħuti? Għaliex m’inix inkun magħhom? Għandi aħwa li magħhom nista’ nagħmel esperjenza ta’ Ġesù, li magħhom nista’ nirċievi l-Ispirtu s-Santu mingħand Ġesù?

dnubiet li taħfru u oħrajn iżżommuhom” – Din is-setgħa fuq id-dnubiet tinsab f’kull Mgħammed. Kollha għandna s-setgħa li naħfru d-dnubiet tal-proxxmu tagħna u tagħna nfusna. Is-saċerdot jaħfer sagramentalment id-dnubiet biex jerġa’ jħabbeb lill-midneb mal-Missier u mal-aħwa. Nagħrfu s-setgħa li tana Ġesù biex naħfru d-dnubiet mhux biss sagramentalment imma wkoll fil-ħajja ta’ kuljum bejnietna?