Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk

Tielet u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla, inti tajtna l-fidwa u għamiltna wlied adottivi tiegħek; ħares bit-tjieba lejn l-ulied għeżież tiegħek, biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu ħielsa tassew u jiksbu l-wirt ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Jekk ma twiddibx lill-midneb, demmu nfittxu minn idejk.
Eżek 33, 7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid il-Mulej: “Lilek, o bniedem, qegħedtek għassies ta’ dar Iżrael. Meta tisma’ minn fommi xi kelma, għandek twiddibhom f’ismi. Jekk jien ngħid lill-midneb: “Int tmut żgur,” u int ma tkellmux u ma twiddbux biex jitlaq triqtu, hu, il-midneb, imut fi ħżunitu, imma demmu nfittxu minn idejk.

Imma jekk inti twiddeb il-midneb dwar triqtu biex jerġa’ lura minnha u ma jerġax, hu jmut fi dnubu, imma int tkun salvajt ħajtek”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

R/. (8): Isimgħu leħen il-Mulej u la twebbsux qalbkom

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu illum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

L-imħabba hija l-milja tal-liġi.
Rum 13, 8-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi. Għax il-kmandamenti: “La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib”, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah

Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt ’il ħuk.
Mt 18, 15-20

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.

Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fir-rakkont tal-lum mill-Evanġelju ta’ San Mattew insibu pass pass ta’ kif għandna nikkoreġu lil xulxin fil-Knisja. Tajjeb ninnutaw li dawn l-istruzzjonijiet insibuhom eżatt wara l-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, fejn ir-ragħaj jagħmel minn kollox u saħansitra jitlaq id-disgħa u disgħin l-oħra sa ma jsib lil dik li tkun intilfitlu (Mt 18, 12-14). Kif nistgħu, aħna l-bnedmin, inkunu ta’ rgħajja twajba għal xulxin? Kif ġab ruħu l-Mulej man-nagħġa l-mitlufa? U allura kif għandna nġibu ruħna aħna ma’ xi ħadd li tilef it-triq?  

Ir-ragħaj b’liema attitudni fittixha lin-nagħġa li ntilfitlu? B’attitudni ta’ ħlewwa, ta’ mħabba, ta’ akkoljenza lura. Hija proprju b’din l-istess attitudni li aħna għandna nikkoreġu lil xulxin. Mhux b’disprezz jew b’ġudizzju jew b’superjorità. Illum nista’ nkun dak li nfittex, għada nista’ nkun dak li jfittxuni. Dan l-episodju f’San Mattew tant ifakkarni fl-ambjent li wieħed isib ġol-familja. L-omm (jew il-missier) tkun qed tonqos jekk tara lil xi wieħed minn uliedha jisfratta u tħalli l-affarijiet għaddejjin. Tinkwieta fuqu għax tħobbu u tridlu l-ġid, titlob għalih, u xi darba ssib l-okkażjoni t-tajba u tkellmu waħdu. B’delikatezza tispjegalu l-ħsara li qed jagħmel lilu nnifsu. Bi mħabba tispjegalu li dik l-attitudni mhux se tagħmlu persuna aħjar. Ma tmurx ixxandru ma’ sħabu. Imma tkellmu ras imb ras għax tridlu l-ġid. Ma toħodhiex bi kbira li, ta’ tifel li hu, jirribella. Allura titkellimha ma‘ żewġha biex flimkien jaslu. Jista’ jkun li l-missier jara l-affarijiet b’mod iktar oġġettiv. U jekk lanqas mill-missier ma jkun irid jisma’, titkellimha ma’ ħutu. Dawk tamparu, u allura jifhmuh iktar. Bejn l-aħwa jaf ikun hemm ftehim li jniffed il-qlub. Huma wkoll iħobbuh u ma jridulu xejn ħlief ġid.  
U x’jiġri jekk lanqas minn ħutu ma jkun irid jisma’? L-Evanġelju jgħidilna: “żommu b’wieħed pagan u pubblikan.” Xi tfisser din? Il-Mulej kien jiekol mal-pagani u l-pubblikani! Anzi, il-Mulej kien jagħżilhom u jsejħilhom hu: lil Żakkew, lil Marija Maddalena, u saħansitra lill-istess awtur ta’ dan ir-rakkont, Mattew innifsu. Kien il-Mulej stess li għajjatlu minn wara l-mejda tat-taxxi u qallu jmur warajh! Kif iġġib ruħha dik l-omm ma’ binha li ma jridx jisma’? Filwaqt li dak li hu ħażin tibqa’ ssejjaħlu ħażin, lil binha tibqa’ tħobbu u tindukrah għax hu binha. Minkejja d-dnub tiegħu, tibqa’ tħobbu u, bħar-ragħaj it-tajjeb, tibqa’ tfittxu … mhux għal seba’ darbiet, imma għal sebgħa u sebgħin darba. Naħseb li l-ġist tar-rakkont tal-lum proprju jinsab fl-aħħar vers: “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.” Huwa Hu li jġib l-għaqda bejnietna. Hu li jsib il-mitlufa. Aħna biss għodda f’idejh. 


Talba

Illum dak li qed titlob minni mhux faċli. Għinni ma niġġudikax għax jiena nara biss l-istampa ta’ barra. Nissel fija sentimenti ta’ ħniena, mogħdrija u maħfra. Neħħi minni kull sens ta’ superjorità għax dan iwassal biss għall-firda. Għinni sabiex dak li naħseb, dak li ngħid u dak li nagħmel iservu ta’ għajnuna u mhux ta’ tfixkil fl-għalqa tiegħek. Fakkarni li Inti miegħi timxi b’paċenzja liema bħala … biex hekk jiena wkoll nimxi l-istess ma’ ħaddieħor. Ammen.